Festi Lokali

Adrian Delia b’tifħir lejn l-arti tal-pirotekniċi lokali

Il-perseveranza tal-persuni fil-qasam pirotekniku hija waħda ta’ min wieħed jammira, għaliex sena wara l-oħra is-sagrifiċji tagħhom jagħtu l-frott mixtieq f’iljieli sajfin mdawwla b’kuluri mill-isbah.

Hekk sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt żjara li għamel il-Ġimgħa waranofsinhar fil-kumpless tan-Nar tal-Każin San Ġużepp u Banda De Rohan fil-lokalità ta’ Ħaż-Żebbuġ., jumejn qabel il-festa Ġużeppina.

Adrian Delia saħaq li l-logħob tan-nar huwa arti …u xogħol li jitwettaq b’dedikazzjoni minn dilettanti tan-nar professjonisti, li grazzi għal ħidma tagħhom sena wara l-oħra jallegraw lill-familji Maltin u jiġbdu miljuni ta’ turisti lejn Malta fil-jiem tas-sajf.

Ritratt: Martin Agius

Minħabba l-fatt li pajjiżna għadu  ma ħelisx mill-pandemija tal-Covid-19 – din is-sena l-festa ta’ San Ġużepp ser tkun qed tiġi organizzata b’differenza. Dan hekk kif ser tkun qed issir wirja virtwali tal-festi esterni tas-snin l-imgħoddija.

Madanakollu l-purċissjoni bil-vara ta’ San Ġużepp ser tkun qed toħroġ f’pellegrinaġġ il-Ħadd filgħaxija. Dan filwaqt li l-programm tal-wirjiet pirotekniċi ser ikun qed isir tul il-jum tal-Ħadd stess, bl-ispettakklu jilħaq il-milja tiegħu fid-9.30 ta’ filgħaxija. Dan se jinkludi murtali tal-logħob, beraq pront tal-kulur, blalen u kaxxa nfernali.

Waqt din iż-żjara fil-Kamra tan-Nar ta’ San Ġużepp f’Wied Qirda, il-Kap tal-PN kellu ċ-ċans jisma l-isfidi ta’ dawn il-pirotekniċi…filwaqt li ra parti mix-xogħol li tlesta għall-festa.

Ritratt: Martin Agius