Internazzjonali

COVID-19: Donald Trump iħassar il-konvenzjoni tar-Repubblikani bl-iskuża tal-pandemija

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, ħassar il-konvenzjoni ‘ta’ qabel l-elezzjoni’ għall-Partit Repubblikan ( fil-Gvern) li kellu jsir fi Florida, fejn sostna li d-deċiżjoni hi bażata fuq ‘l-iżviluppi allarmanti’ fil-kriżi tal-coronavirus.

Trump saħaq li ‘issa mhux iż-żmien għall-konvenzjoni’ iżda wiegħed li, ‘il quddiem, kellu jagħmel diskors marbut mal-konvenzjoni b’forma differenti.

L-aħħar żviluppi seħħew meta n-numru tal-infezzjonijiet bil-Covid-19 fl-Istati Uniti qabżu l-erba’ miljuni.

Intant, parti mill-konvenzjoni tar-Repubblikani se ssir fl-Istat ta’ North Carolina, fejn Trump għandu jkun innominat formalment bħala l-kandidat tal-partit li jikkuntesta għall-Presidenza tal-pajjiż fl-elezzjoni ta’ Novembru.

L-avveniment – imqassar għal nofs ta’ nhar – għandu jsir fil-belt ta’ Charlotte, fl-24 ta’ Awwissu.

Intant, il-President Trump spjega li s-sigurtà għandha tingħata l-akbar priorità fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-Covid-19 u li, għaldaqstant, għażel li jħassar il-konvenzjoni ta’ Florida li kellha titqasssam fuq erbat iljieli.

Din il-konvenzjoni u l-konvenzjoni għad-Demokratiċi huma l-avvenimenti prinċipali fil-proċessi ta’ għaża tal-kandidati tal-partiti rispettivi li jridu jisfidaw lil xulxin għall-White House.

Il-President irrefera għal ‘dinja differenti minn ta’ qabel’ u qal li, fiċ-ċirkustanzi, hu ma riedx jissogra s-saħħa ta’ għexieren ta’ eluf ta’ partitarji.

L-Istat ta’ Florida hu t-tielet l-aktar Stat —  wara Kalifornja u New York – li għandu każi kkonfermati tal-Covid-19. Intant, jidher li Trump irid jissielet sew għal tieni mandat ta’ poter fost il-kritika dwar kif hu u l-Gvern tiegħu mexxew lill-Istati Uniti waqt l-eqqel tal-pandemija.

Fi żviluppi oħra…

L-Indja rreġistrat 49,310 infezzjonijiet ġodda li huma l-akbar numru ta’ każi tal-Covid-19 f’dan il-pajjiż għal ġurnata waħda.

Ir-regoli ġodda li daħlu fl-Ingilterra qed jiffissaw ‘l-ilbies ta’ bilfors’ tal-maskri tal-wiċċ fil-ħwienet tal-pajjiż. Dan meta r-Renju Unit qed ifassal il-miżuri ġodda għat-trażżin tal-obeżità fost il-poplu minħabba li n-nies li jbatu biha huma f’sogru akbar li jimirdu bil-virus. Intant, l-eks Prim Ministru Britanniku Tony Blair, waqt diskors, esprima t-twemmin li ‘il-coronavirus mhux se jkun eliminat’.

Studju li sar fil-Brażil sab li l-mediċina hydroxychloroquine, li tintuża għal kontra l-malarja, mhix effettiva kontra l-Covid-19. Dan meta l-President Brażiljan, Jair Bolsonaro, ilu jippromwovi din il-mediċina bħala ‘difiża kontra l-coronavirus ġdid’.

L-Afrika t’Isfel qed tagħlaq l-iskejjel pubbliċi għal xahar f’tentattiv biex tikkontrolla l-firxa tal-Covid-19 fi ħdanha.

Il-Bolivja posponiet l-elezzjonijiet ġenerali sa Ottubru minħabba l-biża li l-pandemija (fil-pajjiż) kapaċi tilħaq ‘l-ogħla livell’ sax-xahar id-dieħel inkella l-bidu ta’ Settembru.