Id-deċiżjoni li ttieħdet ilbieraħ filgħaxija mill-Kumitat Eżekuttiv kienet deċiżjoni oħra importanti li permezz tagħha l-Partit Nazzjonalista jkun jista’ joħroġ mill-perjodu ikrah u diffiċli li sab ruħu fih. Hekk sostnew grupp ta’ deputati tal-PN, f’żewġ stqarrijiet separati li ħarġu illum.
Id-deputati tal-PN qalu li għandu bżonn nies b’ideat u karattri differeti li jiġu flimkien għall-aħjar ġid tal-partit. Huma ddeskrivew lil Adrian Delia bħala persuna li mhux denju ta’ Kap. U qalu li l-PN jinsab f’salib it-toroq.
Id-deputati qalu li issa fil-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, li se jitlaqqa’ fil-31 ta’ Lulju u fl-1 ta’ Awwissu, kull kunsillier se jkollu ċ-ċans li jagħżel it-triq ‘il quddiem għall-Partit Nazzjonalista.
Dawn id-deputati qalu li huma għandhom fiduċja sħiħa fil-Kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista li jieħdu d-deċiżjoni li tant hemm bżonn bħalissa: deċiżjoni li twassal għal Partit Nazzjonalista mġedded b’post għal kulħadd u lest għat-testijiet elettorali li jmiss.
Fl-istqarrija intqal li din mhix deċiżjoni faċli, iżda hi d-deċiżjoni fl-interess kemm tal-partit kif ukoll tal-pajjiż.
Dan hu mument storiku għall-Partit Nazzjonalist, sostnew id-deputati tal-PN. Mument fejn flimkien, nistgħu nibdew paġna ġdida. Paġna li tpoġġi lill-Partit Nazzjonalista fejn jixraqlu bħala partit kredibbli, partit organizzat, partit magħqud, partit b’post għal kulħadd, u fuq kollox partit determinat li jista’ jerġa’ jikseb l-appoġġ popolari tal-Maltin u l-Għawdxin.
L-istqarrija ttemm tgħid li hekk jixraqlu l-Partit Nazzjonalista, u hekk jixraqlu pajjiżna.
//= $special ?>