Futbol Sport

Draw ġust f’partita pjaċevoli bejn Milan u Atalanta … Juventus punt bogħod mir-rebħ tal-kampjonat

(Ritratt: EPA)

Milan u Atalanta kkonfermaw li huma l-aktar żewġ timijiet fil-forma bħalissa. F’logħba pjaċevoli, iż-żewġ timijiet spiċċaw fi draw ta’ 1-1 f’San Siro, bl-ebda tim ma joqgħod lura milli jipprova jirbaħ il-logħba anki lejn it-tmiem. B’dan il-punt, Atalanta naqqsu d-distakk minn ma’ Juventus għal ħames punti u għalhekk punt il-Ħadd għal Juventus ikun biżżejjed biex jassiguraw ir-rebħ tal-kampjonat. Dan minħabba li jekk jiġu punti ndaqs, Juventus marru aħjar fil-konfront dirett.

HAKAN CALHANOGLU poġġa lil Milan fil-vantaġġ wara 14-il minuta bi free-kick minn pożizzjoni angolata li spiċċa fl-angolu ta’ fuq, bil-gowlkiper Pierluigi Gollini jmiss biss il-ballun. Okkażjoni għal Atalanta biex iġibu d-draw fis-26 minuta. Huma rebħu penalty għal daħla ta’ Lucas Biglia fuq Ruslan Malinovsky fil-kaxxa. Inkariga ruħu l-istess plejer iżda x-xutt fuq il-lemin tiegħu ġie salvat bi bravura minn Gianluigi Donnarumma.

Iżda l-Bergamasci għamlu l-iskor indaqs fl-34 minuta b’xutt ta’ Remo Freuler ġie mxellef minn Matteo Gabbia, b’DUVAN ZAPATA jirbaħ dwell ma’ Mattia Calabra u skorja b’xutt fil-baxx. Fit-tieni taqsima, il-logħob baqa’ bilanċjat, b’Milan jersqu l-aktar viċin fit-73 minuta b’xutt fil-baxx ta’ Giacomo Bonaventura li laqat il-wieqfa.