Lokali

Għadhom iridu jsiru t-testijiet forensiċi

Ħmistax-il xahar wara l-qtil ta’ Lassana Cisse Souleymane… il-loqom tas-sigaretti li nstabu fil-karozza li allegatament minn ġo fiha ġew sparati t-tiri li qatlu lill-Ivorjan.. għadhom ma ġewx ittestjati biex ikun stabbilit jekk fuqhom kienx hemm għabra tal-porvli riżultat tal-isparatura.

Hekk kif fil-Qorti kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Francesco Fenech u Lorin Sciculna.. iż-żewġ suldati implikati fl-assassinju tal-Immigrant… esperti forensiċi qalu li sa issa t-testijiet fuq il-fdalijiet tas-sigaretti misjuba fit-Toyota Starlet għadhom ma sarux. Dawn għadhom issiġillati u qed jistennew li jintbagħtu barra għal testijiet .. għax tali testijiet ma jsirux f’pajjiżna.

Ir-riżultati ta’ dawn it-testijiet jistgħu jgħinu biex jiġi stabbilit jekk it-tiri fatali ġews sparati mill-karozza li fiha nstabu l-fdalijiet tas-sigaretti.

Tul is-seduta tal-lum, uffiċjali tal-Pulizija ppreżentaw rapport li fih jitkellmu dwar l-evidenza miġbura mill-vettura. Din tinkludi marki tas-swaba.

Ritratti tal-vettura kienu inklużi f’dan ir-rapport.

L-esperta tal-Qorti tad-DNA ukoll ipprezentat ir-rapport tagħha wara li kienet ingħatat mazza tal-baseball li wkoll instabet fil-karozza ta’ wieħed mill-imputati sabiex tkun spezzjonata. L-esperta madankollu qalet li mit-testijiet li għamlet ma setgħetx tagħmel konklużjonijiet ċerti.

Uffiċjal tal-Pulizija li kien inkarigat li jieħu l-arma li allegatament intużat fid-delitt fl-istitut forensiku tal-Olanda spjega kif kien ġarr l-arma lejn l-Olanda taħt sigurtà stretta.

L-esperti kienu qalu li l-arma taqbel mal-bullets li kienu ġew sparati u li qatlu lil Cisse.

Għal Francesco Fenech qed jidhru l-avukati Giannella de Marco u Stephen Tonna filwaqt li għal Lorin Scicluna qed jidhru Franco Debono, Kris Busietta u Julian Frarrugia.

Il-każ, li qed jinstema’ quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia, ikompli f’Settembru.