Lokali

Għadu jissielet għal ħajtu wara li spiċċa taħt it-tifrik f’Bormla

Il-Belti li għadu qed jingħata l-kura fl-ITU huwa missier ta' żewġt itfal

Missier ta’ żewġt itfal mill-Belt Valletta ġie identifikat bħala r-raġel li spiċċa jissielet għal ħajtu wara li kien involut fl-inċident traġiku li l-Ħamis filgħodu f’Bormla, fejn ċeda ħajt waqt li kienu qed isiru xi xogħolijiet ta’ kostruzzjoni.

Filwaqt li raġel ta’ 32 sena mill-Gambia sfortunatament tilef ħajtu f’dan l-inċident, Johann Ellul għadu qed jingħata l-kura fl-ITU fl-Isptar Mater Dei, kawża tal-ġrieħi serji li ġarrab wara li spiċċa taħt it-terrapien.

https://www.facebook.com/connie.bianchi/posts/3128075013906638

Bosta qraba u ħbieb, b’mod speċjali membri mill-komunità Beltija – fejn ilkoll kemm huma esprimew ix-xokk tagħhom mal-aħbar filwaqt li ħallew messaġġi ta’ kuraġġ lil Johann. Mill-ewwel indikazzjonijiet jidher li huwa ftit tal-ġimgħat biss li r-raġel beda fix-xogħol ta’ kostruzzjoni wara li sfortunatament, kawża tal-pandemija tal-Covid-19, kellu jtemm l-impjieg tiegħu minn mal-linja tal-ajru nazzjonali Air Malta.

Huwa ġie deskritt bħala bniedem li jaħdem qatigħ għal familja tieghu, b’qalb kbira u dedikazzjoni – b’mod speċjali wkoll raġel li għandu għal qalbu d-delizzju marbut mal-Karnival Malti.

Wara din l-aħħar traġedja li seħħet f’pajjiżna b’rabta ma’ xogħolijiet fuq postijiet ta’ kostruzzjoni, bosta appellaw sabiex l-awtoritajiet jibdew jaħdmu b’serjetà kbira bil-għan li saħħet il-ħaddiema fuq il-lant tax-xogħol jiġi osservat. Bosta saħqu li huwa ċar daqs il-kristall li din l-industrija tirrekjedi aktar rinfurzar.

https://www.facebook.com/photo.php?fbid=3139825159398450&set=a.872188646162124&type=3