Internazzjonali

Iċ-Ċina tirritalja bl-għeluq ta’ konsulat tal-Istati Uniti

Iċ-Ċina ordnat l-għeluq tal-konsulat Amerikan fil-belt ta’ Chengdu fost sinjali ċari li l-pajjiż komunista ried jirritalja għall-passi li ħadet jiem ilu l-Istati Uniti meta għaddiet direttivi liċ-Ċina biex tagħlaq is-sede diplomatika ( konsulat) tagħha fil-belt ta’ Houston, f’Texas.

Fil-fatt, iċ-Ċina qalet li l-pass li ħadet hu wieħed ‘neċessarju’ fid-dawl tal-aħħar żviluppi mal-Istati Uniti.

Dan meta s-Segretarju tal-Istat Amerikan, Mike Pompeo, qal li d-deċiżjoni biex jingħalaq il-konsulat ta’ Houston ittieħed għaliex iċ-Ċina ‘qed tisraq il-proprjetà intellettwali tal-Amerikani’.

Dawn il-jiem qed ikunu karatterizzati b’tensjoni kbira bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina fir-rigward ta’ diversi issues delikati. Il-Gvern tal-President Amerikan ikkonfronta diversi drabi lir-reġim ta’ Beijing dwar ‘anomaliji’ fil-kummerċ u ‘ir-rwol taċ-Ċina’ fil-pandemija tal-Covid-19.

L-impożizzjoni, miċ-Ċina, ta’ liġi ġdida u kontroversjali dwar is-sigurtà fuq it-territorju ta’ Hong Kong kompliet tirranka t-tensjoni bejn iż-żewġ pajjiżi.

Id-deċiżjoni taċ-Ċina biex tagħlaq il-konsulat tal-Amerikani f’Chengdu kienet ikkonfermata wara li Mike Pompeo ħarrax il-kliem kontra ċ-Ċina waqt diskors li fih akkuża lir-reġim ta’ Beijing dwar ‘aġir awtoritarju u politika ta’ ostilità għall-kunċett tal-ħelsien’.

Pompeo saħaq li d-dinja ħielsa għandha tirbaħ ‘fuq it-tirannja ġdida’, waqt li l-Gvern Ċiniż saħaq li lest biex jieħu ‘azzjoni leġittima u neċessarja għall-azzjonijiet mhumiex raġunati min-naħa tal-Istati Uniti.’