Internazzjonali

Il-Hagia Sophia ta’ Istanbul : L-ewwel talb ta’ nhar ta’ Ġimgħa għall-Musulmani wara 86 sena

Il-monument storiku Hagia Sophia fetaħ għat-talb ta’ nhar ta’ Ġimgħa għall-Musulmani – b’din tkun l-ewwel darba li l-monument ta’ Istanbul, fit-Turkija, qed jaqdi dan ir-rwol mindu l-awtoritajiet lokali deċidew li s-sit famuż seta’ ikun ikkonvertit f’moskea.

Il-Hagia Sophia, iddikjarat bħala sit għall-patrimonju dinji mill-UNESCO, kien twaqqaf 1,500 sena ilu u kien inbidel f’mużew fis-sena 1934.

Iżda jiem ilu, qorti fit-Turkija annullat l-istatus tas-sit bħala mużew fost dikjarazzjoni speċifika li mhux possibbli li dan is-sit jintuża legalment għal xi funzjoni oħra ħlief ir-rwol ta’ moskea.

Wara d-dikjarazzjoni, il-President Tork, Recep Tayyip Eredogan, kien ħabbar li dan is-sit, mill-24 ta’ Lulju (illum) kien se  jkun lest għas-sessjonijiet tat-talb għall-Musulmani.

Il-President, issa, issieħeb mal-mijiet tad-devoti preżenti għal ċerimonja reliġjuża fil-moskea  u fejn in-nies kellhom jgħaddu miċ-checkpoints tas-sigurtà qabel setgħu jieħdu sehem fis-sessjonijiet tat-talb. Dan waqt li oħrajn imlew l-artijiet fil-madwar tal-kumpless bit-twapet (prayer mats), bil-għan li huma wkoll jissieħbu fit-talb.

Id-deċiżjoni biex il-Hagia Sophia tinbidel lura f’moskea kienet ikkritikata mill-mexxejja politiċi u reliġjużi madwar id-dinja.

Intant, il-Hagia Sophia kien inbena bħala katidral għall-Kristjani Ortodossi u l-ewwel darba li spiċċa konvertit f’moskea kien waqt l-era tal-Ottomani — disa’ sekli wara.