Futbol Sport

Il-Premier League tal-istaġun li ġej se jibda fit-12 ta’ Settembru

(Ritratt: EPA)

L-istaġun il-ġdid tal-Premier League se jibda fit-12 ta’ Settembru u jispiċċa fit-23 ta’ Mejju tas-sena d-dieħla. Fl-istess ġimgħa se jkunu qed jibdew il-kampjonati l-oħra tal-English Football League jiġifieri ċ-Championship, League 1 u League 2.

Din l-aħbar ġiet ikkonfermata fi stqarrija tal-Premier League fejn se jikkonsultaw mal-FA Ingliża u l-EFL dwar l-iskeda tal-kompetizzjonijiet domestiċi l-oħra. Dan ifisser staġun ippakkjat għall-futbol Ingliż hekk kif normalment il-Premier League jibda fit-tieni ġimgħa ta’ Awwissu. Iżda dan id-dewmien kien kostrett minħabba li l-pandemija tal-coronavirus waqqfet il-kampjonat għal 100 ġurnata.

Il-Premier League ta’ dan l-istaġun jintemm il-Ħadd li ġej qabel il-finali tal-FA Cup li se ssir is-Sibt l-1 ta’ Awwissu u l-finali tal-play-off taċ-Championship it-Tlieta 4 ta’ Awwissu.

Il-kompetizzjonijiet tal-UEFA Champions League u UEFA Europa League se jkomplu bejn il-5 u t-23 ta’ Awwissu li jfisser tliet ġimgħat qabel jibda l-istaġun il-ġdid tal-Premier League. Il-UEFA Nations League wkoll se tkompli f’Settembru, bil-logħob bħalissa huma skedati bejn it-3 u t-8 ta’ Settembru.