Il-Formula 1 ħabbret li kkanċellat it-tlielaq fl-Istati Uniti, il-Messiku u l-Brażil kawża tal-kriżi tal-coronavirus fil-kontinent Amerikan. Dawn it-tliet pajjiżi huma fost l-aktar li għandhom infezzjonijiet fid-dinja u t-tmexxija tal-Formula 1 jemmnu li jkun irresponsabbli li jorganizzaw tlielaq hemm. Minflok tliet tlielaq fl-Ewropa żdiedu fil-kalendarju. Din id-deċiżjoni tfisser ritorn għaċ-ċirkwiti ta’ Nurburgring fil-Ġermanja u Imola fl-Italja filwaqt li ċ-ċirkwit ta’ Portimao fil-Portugall se jagħmel id-debutt fil-Formula 1.
Il-Grand Prix tal-Istati Uniti f’Austin, Texas, kienet skedata li ssir fit-23 ta’ Ottubru, il-Grand Prix tal-Messiku ġimgħa wara filwaqt li dik tal-Brażil kienet mistennija li ssir fit-13 ta’ Novembru. Kull tama li b’xi mod issir il-Grand Prix tal-Kanada ntemmet minħabba l-istess raġuni. Din it-tellieqa oriġinarjament kellha ssir f’Ġunju u ġiet posposta f’April.
Grand Prix tal-Formula 1 fiċ-ċirkwit ta’ Nurburgring ilha ma ssir mill-2013 u se ssir fil1-1 ta’ Ottubru meta ċ-ċirkwit ikun vulnerabbli għal temp ħażin. Din se tkun l-aktar data tard li dan iċ-ċirkwit ospita Grand Prix. It-tellieqa f’Portimao se ssir fil-25 ta’ Ottubru u ta’ Imola fl-1 ta’ Novembru, ċirkwit li kien fil-kalendarju bejn l-1981 u l-2006.
Rapporti fil-media internazzjonali qed jgħidu li t-tellieqa f’Portimao se tkun waħda mill-ewwel li tħalli spettaturi. Dan wara d-deċiżjoni tal-organizzaturi tal-Grand Prix tar-Russja bejn it-23 u l-25 ta’ Settembru li jbiegħu l-biljetti għall-avveniment f’Sochi.
Il-Formula 1 għadha qed trid tħabbar kalendarju sħiħ u għadha qed tittama għal staġun ta’ bejn 15 u 18-il tellieqa, bil-kampjonat jispiċċa f’nofs Diċembru. Il-ħsieb hu ta’ tellieqa jew tnejn fl-Asja f’Novembru. Iċ-ċirkwit il-ġdid fit-toroq tal-kapitali Vjetnamiża Hanoi, mistenni jagħmel id-debutt filwaqt li teżisti possibbiltà li jirritorna ċ-ċirkwit ta’ Sepang fil-Malasja, ċirkwit li kien fil-kalendarju bejn l-1999 u l-2017. It-tħabbira ta’ dawn it-tliet tlielaq itellgħu t-total għal 13-il tellieqa, bl-istaġun mistenni jintemm fil-Bahrain u Abu Dhabi.
//= $special ?>