Lokali Turiżmu

Lionel Gerada jitneħħa mill-Bord

Tammetti dan il-Ministru Julia Farrugia wara tibdil kostrett fl-għoti tal-isponsorships fl-MTA

Wara l-iskandli żvelati b’rabta mal-isponsorships mogħtija mill-Awtorità Maltija tat-Turiżmu fi żmien l-eks Ministru Laburista, Konrad Mizzi, il-Ġimgħa l-Gvern kien kostrett iħabbar li se jkun ibiddel il-mod ta’ kif se jagħti dawn l-għotjiet.

Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru tat-Turiżmu, Julia Farrugia Portelli flimkien mas-Segretarju Permanenti, Ronald Mizzi, u l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Johann Buttiġieġ, b’dan tal-aħħar jammetti li dan it-tibdil kellu anki għaliex irċievew baraxx ta’ kritika minn dawk kollha li jorganizzaw attivitajiet turistiċi u ta’ divertiment fuq l-hekk imsejħa “ħniżrijiet”.

Lionel Gerada huwa l-isem tal-bniedem magħżul mill-istess Ministru Mizzi fl-2018 biex imexxi dawn l-għotjiet u għalhekk kien fiċ-ċentru ta’ dawn l-iskandli. Dik is-sena biss grupp wieħed ta’ organizzaturi ta’ attivitajiet ħadu kważi żewġ miljuni  f’fondi mit-taxxi pubbliċi.. fosthom miljun li ntefqu fuq Summer Daze li sar fi żmien Santa Marija

Fiż-żmien li Gerada kien qed imexxi l-Kumitat tal-Isponsorships, il-budget għall-attivitajiet tal-Awtorita tat-Turiżmu sploda minn żewġ miljuni għal sitt miljuni, bl-organizzaturi tkellmu dwar kif tneħħa għal kollox il-level playing field għalihom.

Imma fil-Parlament f’Jannar, għal tweġiba tad-deputat Nazzjonalista, Beppe Fenech Adami, Julia Farrugia Portelli caħdet dawn l-allegazzjonijiet u qalet li ma sabet l-ebda evidenza ta’ prattiċi ħziena fl-għotja ta’ sponsorships  minn naħa ta’ Gerada

Iżda fil-konferenza, kontra għall-prattiċi fi żmien Gerada u l-Ministru Konrad Mizzi, il-Ministru Farrugia Portelli tat l-assigurazzjoni tagħha li se jkun hemm mekkaniżmi serji u trasparenti filwaqt li mhux se taċċetta pressjoni mingħand terzi fuq l-għoti tal-isponsorships, tant li dawn se jiġu skwalifikati.

Għalhekk staqsejna lill-istess Ministru jekk Lionel Gerada huwiex se jkun fuq il-bord mill-ġdid:

“Fil-konferenza stampa għidt b’mod ċar li din hija bidla totali. Iġifieri le, mhu se jkun l-ebda membru tal-MTA li jservi fuq dan il-bord.”

Iżda kontra għal li qalet il-Ministru, ħadd mill-kelliema tal-konferenza la semmew l-ismijiet tal-membri li se jkollhom vot fil-Kumitat t’Aġudikazzjoni, għajr biss għall-istess Buttiġieġ u s-Segretarja tal-Bord, u wisq anqas l-ismijiet tal-membri tal-Bord Indipendenti t’Evalwazzjoni tal-isponsorships mogħtija.