Lokali

Melvin Theuma jibqa’ f’qagħda kritika imma jipprova jikkomunika

Il-Ministru Josè Herrera għamel stqarrija ċara li tidher li tneħħi kull dubju dwar il-każ Melvin Theuma. F’kummenti lil In-Nazzjon, Herrera qal li issa li nafu li Theuma kien suwiċidali, hemm miżuri oħra li jistgħu jittieħdu biex Theuma jkollu protezzjoni aħjar.

Josè Herrera kien l-ewwel wieħed li ta konferma tad-direzzjoni li ilha miexja fuqha l-Pulizija minn nhar it-Tlieta.

Il-Ministru kien mistoqsi jekk jaħsibx li l-iStat kien falla milli jipproteġi lix-xhud ewlieni fil-każ tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Huwa wieġeb li mill-istrħarriġ li għamel hu stess jirriżulta li ma’ Melvin Theuma kien ikun hemm bejn tlieta u ħames Pulizija għassa il-ħin kollu.

Il-Ministru ġġustifika l-fatt li l-Istat kien qed jagħmel il-biċċa tiegħu meta ta lil Melvin Theuma il-protezzjoni tal-Pulizija.  Madankollu din il-protezzjoni ma kinitx biżżejjed biex iwaqqaf lil Theuma milli jweġġa lilu nnfisu. Herrera saħaq li la Theuma kellu l-Pulizija mad-dar, ħadd ma kellu jġorr responsabbiltà politika.

Jidher illi l-avukati ta’ Theuma kienu talbu lill-Pulizija jneħħu l-għassa fuq ġewwa tal-appartament tiegħu lura f’Diċembru fuq talba tal-middleman inniffsu.

Minn naħa tagħha, għall-istess mistoqsijiet, il-Ministru Julia Farrugia qaltilna nistaqsu lill-Kummissarju Angelo Gafa, u li hi mhijiex il-Kummissarju.

Dan il-ġurnal jista’ jikkonferma li l-qagħda tal-middleman jinsab għadha waħda kritika, u għadu qed jitqies li huwa fil-periklu li jitlef ħajtu.

Skont sorsi mill-qasam mediku, il-jiem li ġejjin se jkunu determinanti jekk Theuma jirnexxielux jegħleb il-periklu kkawżat mill-ġrieħi li ġarrab nhar it-Tlieta filgħaxija.

In-Nazzjon qed jiżvela wkoll illi fl-aħħar sigħat Theuma, li tilef l-użu tal-kordi vokali, kien qed jipprova jikkomunika b’diversi modi, kemm b’għajnejh u bl-espressjonijiet ta’ wiċċu, imma anke bl-użu ta’ karta u pinna, madankollu mhux magħruf jekk irnexxielux jikkomunika sew jew le.