“Dawn l-attivitajiet tal-massa huma perikolużi”.
Hekk stqarr magħna l-President tal-Assoċjazzjoni tat-Tobba Martin Balzan fl-ewwel reazzjonijiet tiegħu wara li pajjiżna rreġistra 7 kazi ġodda ta’ Coronavirus marbuta ma’ attività waħda li saret fi tmiem il-ġimgħa f’pajjiżna.
Martin Balzan qal li attivitajiet tal-massa m’għandhomx isiru qabel ma jkun hemm vaċċin disponibbli. Hu saħaq li l-każi tal-aħħar sigħat juru li l-emerġenza għadha ma ntemmitx u wissa li dan għandu jkun ta’ tgħalima għal ħafna l-aktar għall-Gvern.
Il-President tal-MAM qal li l-ftuħ pratikament mingħajr restrizzjonijiet, kemm tal-ajruport, kif ukoll għal attivitajiet fejn ikun hemm ħafna nies, tista’ tkun ta’ periklu kbir għalina. Hu ddesrkiva din bħala strateġija riskjuża ħafna għaliex jekk tiġina ħażina, tiġina ħażina ħafna kemm għas-saħħa kif ukoll għall-ekonomija, u xi ħaġa hekk titfagħna erba’ xhur lura.
Dan il-ġurnal hu infurmat li pajjiżna se jkun qed jospita attivitajiet oħra tal-massa li ġew ikkanċellati f’pajjiżi barranin oħra. Din hi xi ħaga li qed tinkwieta lit-tobba Maltin.
Il-President tal-MAM qal li dan huwa fatt li qed inkwieta ħafna lit-tobba, l-aktar meta wieħed iqis li dawn se jkunu qed pajjizna mhux għax iridu jiġu Malta imma għax ġew irriffjutati minn pajjiżi oħra.
Martin Balzan staqsa x’jiġri jekk jimirdu numru ta’ persuni minn dawn li jkunu qed jattendu għal dawn l-attiviatjiet, u fejn se nispiċċaw inpoġġuhom. Hu wissa li ma rridux naraw sa mneħirna u għandna nkunu aktar kawti.
Intant il-Ministru tat-Turiżmu Julia Farrugia, dwar dawn l-attivitajiet li ġew ikkanċellati f’pajjiżi oħra, u li minflok se jsiru f’Malta, jidher li ma taf xejn. Dan stqarritu magħna meta staqsejniha dwarhom.
In-Nazzjon għandu informazzjoni li fi ftit ġimgħat oħra pajjiżna se jospita party li għalih ġejjin mal 1,500 ingliż. Party li kellu jsir fi Spanja iżda li ġie kkanċellat minħabba l-pandemija.
Sadanittant, b’rabta mas-7 każi li harġu mill-attivita ta’ tmiem il-ġimgħa, l-Awtoritajiet għas-Saħħa Pubblika għadhom qed jappellaw lil dawk kollha li attendew biex jagħmlu test għal COVID19 billi jċemplu 111 għall-appuntament, anke jekk m’għandhom l-ebda sintomu.
//= $special ?>