Futbol Sport

Stedina lill-pubbliku biex jipparteċipa fi kwestjonarju dwar ir-riforma fil-liċenzjar tal-klabbs tal-MFA

Il-Malta Football Association qed twettaq riforma tal-liċenzjar tal-klabbs bħala parti mill-impenn tagħha biex ittejjeb il-governanza u s-sostenibbiltà tal-klabbs. It-twettiq ta’ din ir-riforma ngħata bidu aktar kmieni din is-sena u kompla matul il-perjodu tal-inattività tal-futbol minħabba l-Covid-19. Id-diffikultatjiet ikkawżati minn din il-pandemija żiedu aktar il-ħtieġa ta’ din ir-riforma li qed tkun ikkordinata minn kumitat li kien imwaqqaf fil-bidu tal-istaġun.

Il-kumitat tar-riforma tal-liċenzjar, li huwa magħmul minn rappreżentanti ta’ bosta setturi tal-futbol, identifika strateġija li għandha twassal għal bidliet fis-sistema tal-liċenzjar bil-għan li tgħin lill-klabbs isaħħu l-operat tagħhom u jersqu aktar lejn standards professjonali.

Il-kumitat vara proċess ta’ konsultazzjoni aktar wiesa’. L-ewwel fażi hija ddedikata għall-opinjoni pubblika fejn l-MFA qed tistieden lill-pubbliku ġenerali biex jieħu sehem fi stħarriġ. L-objettiv ewlieni huwa li jinkisbu l-opinjonijiet dwar il-futbol Malti, mhux biss tal-partitarji iżda wkoll ta’ dawk li ma jsegwux ix-xena lokali.

Dawk li jixtiequ jieħdu sehem f’dan l-istħarriġ jistgħu jimlew il-kwestjonarju, li huwa disponibbli kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż, billi jsegwu dawn il-links:

Verżjoni bil-Malti: https://bit.ly/3il97sA Verżjoni bl-Ingliż: https://bit.ly/2zTQOJA

L-istħarriġ online li jagħlaq fl-20 ta’ Awwissu 2020, se jkun segwit minn eżerċizzju ieħor ta’ konsultazzjoni u riċerka hekk kif kwestjonarji se jintbagħtu lil setturi speċifiċi tas-soċjetà minħabba li l-kontribut tagħhom jista’ jgħin lill-Assoċjazzjoni tifhem u tindirizza aħjar ċerti materji.

It-tielet fażi se tkun qed tara l-organizzazzjoni ta’ focus groups flimkien mal-imsieħba tal-futbol lokali billi tisma’ l-fehmiet tagħhom fir-rigward ta’ din ir-riforma. Dan il-proċess ta’ konsultazzjoni huwa kruċjali għas-suċċess ta’ din ir-riforma u l-pubbliku ġenerali huwa mħeġġeġ biex jipparteċipa u jikkontribwixxi.

Dawk il-persuni li jixtiequ jaqsmu l-fehmiet tagħhom fuq dan is-suġġett, indipendentament mill-istħarriġ online, jistgħu jagħmlu dan billi jibagħtu email fuq l-indirizz elettroniku, consultation@mfa.com.mt.