Lokali

44 rekluta jingħaqdu mal-Korp tal-Pulizija

F’ċerimonja li saret ilbieraħ filgħaxija fil-Forti Sant’Iermu, 44 rekluta – 33 raġel u 11-il mara – ingħaqdu mal-Korp tal-Pulizija bħala kuntistabbli, wara li temmew il-Kors ta’ Taħriġ għar-Rekluti.

It-taħriġ, li dam 9 ġimgħat, tmexxa mill-Akkademja tal-Forzi Dixxiplinati u kien jinkludi, kemm taħriġ fiżiku, kif ukoll akkademiku. Il-kors ta’ tagħlim u taħriġ kien wieħed impenjattiv ħafna, li issa se jwassal biex il-kuntistabbli l-ġodda jibdew jagħtu servizz lill-komunità u lil pajjiżna b’mod professjonali u b’dedikazzjoni.

Il-Kummissarju tal-Pulizija, is-Sur Angelo Gafà waqt li appella lill-qraba tal-pulizija l-ġodda biex jappoġġjawhom f’xogħolhom, dar fuq ir-rekluti u qalilhom li l-uniformi tal-Pulizija tagħti identità. Qal li l-uniformi li lebsin hija l-ħalfa tal-Pulizija, li se jservu liċ-ċittadini ta’ dan il-pajjiż b’rettezza, mingħajr pjaċiri u mingħajr favuri.

Matul iċ-ċerimonja saret ukoll il-preżentazzjoni tal-premijiet, tal-aħjar żewġ rekluti fis-suġġetti akkademiċi (l-ewwel post Sarah Galea; it-tieni post Yanika Ciappara); u fis-suġġetti prattiċi (lewwel post Jan Debono; it-tieni post Gabriel Portelli)

Il-premju tar-rekluta li l-aktar li ddistingwa ruħu matul il-kors (il-Mark Farrugia Shield), ingħata li Sarah Galea. Sarah Galea, li għandha 24 sena, applikat biex tissieħeb mal-Korp tal-Pulizija għax tara dan ix-xogħol bħala karriera u vokazzjoni, u mhux biss bħala impjieg. Hija ħerqana wkoll li waqt din il-karriera tkompli titgħallem u tikber b’mod professjonali u personali, waqt li kemm hi, kif ukoll ir-rekluti l-ġodda jħossu li huma għandhom ikunu t-tarka tan-nies u jisimgħu l-vittmi.