Lokali

Aktar immigranti jaħarbu miċ-Ċentru ta’ Detenzjoni

Sorsi li tkellmu ma’ Net News stqarru li matul il-lejl li għadda ħarbu aktar immigranti miċ-Ċentru ta’ Detenzjoni f’Ħal Safi.

Jidher li l-immigranti li ħarbu jammontaw għal ftit iktar minn għaxra. Pero’ l-ammont ta’ dawk li ħarbu fl-aħħar 48 siegħa jista’ jkun wieħed akbar hekk kif waslulna wkoll rapporti li fil-lejl ta’ bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa ħarbu madwar 20 immigrant ieħor.

L-informazzjoni li kiseb dan l-istazzjon hi li dawn l-immigranti ħarbu kollha minn Blokk B tal-istess ċentru.

Meta kkuntatjajna lill-Pulizija biex niksbu aktar informazzjoni, konna nfurmati li ħamsa minn dawn l-immigranti instabu fis-sigħat li għaddew filwaqt li għadha għaddejja tfittxija għall-persuni l-oħra. Għadu mhux ċert in-numru totali ta’ dawk li ħarbu hekk kif għadha qed issir ‘head count’ fiċ-ċentru b’mod speċjali fi Blokk B.

Net News hu infurmat li fl-aħħar jiem, waqt in-night watch, kienu qed jitħallew 3 uffiċjali tas-sigurtà ma’ madwar 400 immigranti f’dan il-blokk partikolari.