Is-Sibt 1 ta’ Awwissu li gej se jiġi kkonsagrat l-artal mejda l-ġdid tal-Knisja Parrokkjali ta’ San Pietru fil-Ktajjen ta’ Birżebbuġa kif ukoll se jitbierku s-sedja, l-leġiju u l-ambone tal-istess knisja.
Il-konsagrazzjoni se ssir waqt il-quddiesa solenni ta’ Lejlet il-Festa Titulari tal-Birżebbuġin ikkonċelebrata mill-Arċisqof ta’ Malta, Charles Scicluna, flimkien mal-Kappillan u l-Kleru tal-Parroċċa.
NET News tkellem mal-Kanonku Anton Galea Scannura, il-Kappillan tal-Parroċċa fejn tana aktar tagħrif dwar ix-xogħol li qiegħed jiżżanżan fuq il-presbiterju tal-artal maġġur.
Wara li r-rikors tal-proġett ġie approvat mill-Kummissjoni Arti Sagra, kien imiss lill-marmista Ronnie Pisani biex jaħdem ix-xogħol fl-irħam kemm fuq l-artal-mejda, l-ambone, il-leġiju kif ukoll is-sedja.
L-artal-mejda u l-ambone il-ġodda tal-irħam, li saru grazzi anki għall-kontribuzzjoni ġeneruza tal-Perit Michael Schembri, se jkunu qed jieħdu 2 xogħlijiet mill-isbaħ fl-injam tal-mibki skultur ċelebri Żurrieqi, Salvu Bugeja.
Ġol-artal-mejda mbagħad, se jitqiegħdu r-relikwi tal-qaddis Malti, San Ġorġ Preca, kif ukoll il-Beati Adeodata Pisani u Nazju Falzon.
Il-Kanonku Galea Scannura kompla jtina aktar tagħrif fuq il-fonzju tal-konsagrazzjoni tal-artal propju nhar is-Sibt li ġej
L-għada mbagħad, il-Birżebbuġin jiċċelebraw il-Festa Titulari tagħhom lil San Pietru fil-Ktajjen bil-Quddiesa Solenni tal-Festa fis-6 ta’ filghaxija. Wara ssegwi l-Purċissjoni bil-Vara Titulari ta’ San Pietru, xogħol fl-injam tal-iskultur Ferdinando Stuflesser minn Bolzano fl-1959, bis-sehem taż-żewġ baned ta’ Birżebbuġa.
//= $special ?>