Lokali

“Dan huwa żmien fejn se noħorġu iktar b’saħħitna u mġedda” – Adrian Delia

"Se nibqgħu nagħtu vuċi lin-nies, lit-tesserati tagħna li huma l-qalb u r-ruħ tal-PN"

“Dan żmien fejn se noħorġu iktar b’saħħitna, il-Partit Nazzjonalista jrid jissaħħaħ. Adrian Delia se jkun fil-PN jaħdem aktar minn qatt qabel u sal-aħħar nifs se jibqa’ jiġġieled il-korruzzjoni, għal partit iktar b’saħħtu u Malta aħjar għall-aqwa futur ta’ uliedna. Dan sabiex pajjiżna jkun pajjiż aħjar għalina lkoll.” Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta kien intervistat fuq NET FM.

Adrian Delia qal li meta kien qed jipprepara għal-laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv li ltaqa’ l-Ħamis li għadda, ġie f’idu l-innu tal-Partit Nazzjonalista u saħaq li l-innu tal-PN jimlih bil-kuraġġ, bil-ferħ u bl-entuzjazmu. “Meta taqra dawk il-kliem tinduna li fihom hemm ir-ruħ ta dawk li jħobbu lil arthom u jqumu fis-siegħa tat-taqbid u li jemmnu li fil-mument tal-prova jridu jiġu mill-ibliet u l-kampanji flimkien għall-istess għan.” qal Adrian Delia.

Huwa qal li bl-istatut tal-partit seta jmur quddiem il-Kumitat Eżekuttiv u jgħid li ddeċieda, iżda hu ried li jkun hemm dibattitu biex nagħtu l-vuċi lin-nies, lit-tesserati li huma l-qalb u r-ruħ tal-partit. Dan billi l-ewwel imur għand il-Kunsillieri fil-Kunsill Ġenerali, biex jiġu segwiti l-proċessi skont l-istess statut. Huwa ħeġġeġ lill-Kunsillieri biex jgħidu tagħhom u jkunu parti mill-proċess biex id-deċiżjoni tkun tagħhom jekk iridux li f’Konvenzjoni, t-tesserati għandhom iġeddu l-fiduċja fih jew jinfetaħ proċess miftuħ għal Kap tal-partit.

Adrian Delia qal li meta jkun hemm ir-riżultat tal-Konvenzjoni minnufih, kull wieħed u waħda minna jrid jaħdem iktar minn qatt qabel biex il-PN jibda l-kampanja nazzjonali b’uċuh ġodda mimlijin bl-entużjażmu li lesti jagħtu servizz. Huwa qal li l-PN huwa parit miftuħ, trasparenti u demokratiku, li dejjem miftuħ għad-diskussjonijiet, bil-kontra tal-Partit Laburista u tal-Gvern li fejn tingħata stampa tal-faċċata u fejn il-ġlied intern li għandu jippruvaw iżommuh mistur, biex imbagħad jirreżenja Prim Ministru, Deputat Mexxej, Ministru u Kummissarju tal-Pulizija.

Il-Kap tal-PN qal li dan huwa żmien ta’ sfidi imma huma wkoll ta’ opportunitajiet biex noħorġu iktar b’saħħitna u mġedda. Nimxu wara Kap iktar b’saħħitna għall-elezzjoni ġenerali biex nipperswadu lin-nies li għandna l-aqwa ideat u proposti biex intejbu l-pajjiż tagħna. Nuru li għandna ideat li huma aħjar minn dawk tal-Gvern. Nuru liż-żgħażagħ li għandhom futur fil-PN, u li se nagħtuhom l-opportunitajiet ġodda. Partit imġedded, li jekk naħdmu flimkien u niġbdu ħabel wieħed inkunu nistgħu noffru alternattiva vera għall-Gvern Laburista.

Il-Kap tal-PN rrefera għal dak li ġara fir-rigward ta’ Melvin Theuma u saħaq li l-Istat għandu l-obbligu li dawn l-affarijiet ma jsirux u meta għandek xhud daqstant importanti trid tipproteġih b’kull mod. Huwa qal li m’aħniex qed ngħixu f’pajjiż normali u l-Istat falla b’mod ġenerali meta għandna l-istituzzjonijiet li huma mnawwrin mill-Gvern li għamel minn kollox biex iwaqqaf il-proċess ta’ tisħiħ. Adrian Delia qal li minkejja l-proċessi interni ma nistgħux ninsew li aħna wkoll oppożizzjoni li rridu nibqgħu niġġieldu għas-sewwa, l-verita’ u d-demokrazija f’pajjiżna. “Taqtgħux qalbkom, ahna partit b’kuraġġ, b’qalb u determinazzjoni li fl-agħar mumenti nuru min aħna u nuru l-qalb u r-ruħ tal-PN biex noħorġu iżjed b’saħħitna.” qal Adrian Delia.