Lokali

Daniel Micallef jieħu post Chris Cardona bħala Deputy Leader tal-PL

Kif kien mistenni, Daniel Micallef kien konfermat bħala suċċessur ta’ Chris Cardona fil-kariga ta’ Deputat Mexxej tal-Partit Laburista wara elezzjoni li fiha ma kien kontestat minn ħadd.

Micallef ħalla l-pożizzjoni tiegħu ta’ President tal-Lejber ftit tal-ġimgħat ilu biex għamel spazju għall-eks impjegata f’Kastilja Ramona Attard.

F’votazzjoni li fiha kienu eliġibbli li jivvutaw għal Micallef 759 delegat tal-Partit Laburista (ivvotaw 86%).

656 delegat li minnhom madwar 98% ivvotaw IVA għal Micallef. Dan ifisser li apparti dawk li vvotaw le, astjenew jew ħassru l-vot, 107 delegat għażlu li ma jivvotawx lil Micallef.

Daniel Micallef jidħol fil-kariga ta’ Deputat Mexxej għall-affarijiet tal-partit wara r-riżenja ta’ Chris Cardona li waslet wara numru ta’ allegazzjonijiet fil-konfront tiegħu fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u wara ħidma minn Kastilja biex Micallef ma jkunx ikkontestat f’din l-elezzjoni.

Sorsi ta’ Net News miċ-Ċentru Nazzjonali Laburista saħqu magħna li numru kbir ta’ Laburisti ħaduha kontra Robert Abela għal mod kif tratta lil Cardona u għal mod kif aċċerta li s-suċċessur tiegħu, Daniel Micallef joħroġ għall-elezzjoni waħdu mingħajr ebda kompetizzjoni. Dan f’tentattiv biex iċ-ċentru Laburista jkollu iktar nies ta’ Abela milli nies ta’ Fearne, hekk kif is-sitwazzjoni bejn dawn it-tnejn għadha sal-lum mhux waħda tajba.