Lokali

Hemm bżonn kbir ta’ dixxiplina – Il-Kamra tal-Kummerċ

Il-ħtieġa għal riforma sħiħa u ħolistika tal-Industrija tal-Bini u l-Kostruzzjoni qatt ma kienet akbar.

Il-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija fi stqarrija qalet li għal darb’oħra hi obbligata tikkummenta dwar is-sitwazzjoni xokkanti li l-industrija tal-kostruzzjoni u l-bini ssib ruħha fiha.

Dan wara li l-aħħar inċident, li seħħ f’Bormla l-Ħamis li għadda, għal darb’oħra rriżulta f’telf ta’ ħajja f’sit ta’ kostruzzjoni. Din kienet ir-raba’ fatalità relatata mal-kostruzzjoni din is-sena. Il-Kamra saħqet li l-pajjiż ma jistax jaċċetta dawn il-fatalitajiet bħala ħsara kollaterali ta’ industrija ta’ suċċess.

L-istqarrija kompliet tgħid li l-azzjonijiet meħuda mill-għadd ta’ kollass serju tal-bini rrappurtati fl-2019 ma taw l-ebda valur. Il-Kamra tenniet li l-ħtieġa ta’ riforma sħiħa u ħolistika tal-Industrija tal-Bini u l-Kostruzzjoni qatt ma kienet akbar. Il-Kamra qalet li kienet konsistenti fis-sejħiet tagħha għal riforma, regolazzjoni, dixxiplina u azzjonijiet tanġibbli u issa kull jum ta’ nuqqas ta’ azzjoni huwa jum ieħor ta’ riskju addizzjonali għall-industrija.

Fil-Viżjoni Ekonomika tagħha għal Malta l-Kamra pproponiet li l-Gvern jieħu azzjoni mmedjata u jimponi s-sanzjonijiet miftiehma f’każ ta’ prattika ħażina jew abbuż tar-regolamenti l-ġodda tal-kostruzzjoni. Hi pproponiet ukoll li l-industrija tal-kostruzzjoni tkun regolata mill-istat. “Għandhom jiġu stabbiliti kriterji stretti għall-għoti ta’ liċenzji operattivi lill-kostrutturi sabiex l-industrija tal-kostruzzjoni tagħmel ir-riformi u l-investiment relatati biex tilħaq l-istandards preżenti fi stati membri oħra ta’ l-UE.”, kompliet tgħid l-istqarrija.

Il-Kamra tal-Kummerċ qalet li l-Awtorità l-ġdida tal-Bini u l-Kostruzzjoni għandha tkun mgħammra bir-riżorsi u l-għodda xierqa, u tkun funzjoni ta’ infurzar b’saħħitha li tippermettilha taħdem mingħajr biża’ jew favur.

L-istqarrija temmet tgħid li “huwa iktar minn ċar li din l-aħħar telf ta’ ħajja hija r-riżultat tal-falliment ta’ sistema regolatorja ħażina, minħabba li l-liġijiet, ir-regolamenti u s-sistemi kurrenti fis-seħħ qed jonqsu milli jaċċertaw is-sigurtà tal-ħaddiema, residenti, proprjetajiet ta’ terzi u s-serħan il-moħħ.”