Lokali

“Il-Partit Nazzjonalista huwa l-għodda stess li bih jitwettaq il-ġid fil-pajjiż”

Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Francis Zammit Dimech iħabbar il-proċess tal-votazzjoni fil-Kunsill Ġenerali

“Il-Partit Nazzjonalista lanqas hu ma huwa l-għan finali. Il-Partit Nazzjonalista stess irid ikun l-għodda tagħna li bih jitwettaq il-ġid fil-pajjiż, anki f’konfront ta’ Gvern li huwa mifni bil-korruzzjoni. Il-partiti politiċi huma strutturi dinamiċi. Jekk inti tmur f’każini jew f’organizzazzjoni, diskussjoni dwar kif tmexxi, min imexxi, jekk hemm personalità jew jekk hemmx oħra, hija diskussjoni kontinwa. L-importanti li nagħmluha bsens, ta’ maturità, b’sens ta’ għaqal, b’sens anki ta’ valuri u b’sens ta’ mħabba lejn il-Partit Nazzjonalista.”

Saħaq dan is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Francis Zammit Dimech, meta s-Sibt filgħodu kien intervistat waqt il-programm Issues fuq NET FM.

Huwa tekellem fuq il-votazzjoni fil-Kunsill Ġenerali li se ssir fit-tmiem il-ġimgħa li ġejja dwar mozzjoni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, u li kienet issekondata mill-membru tal-Eżekuttiv, Michael Axiak.

Il-Kummissjoni Elettorali, Data u Records, immexxija miċ-Chairman il-ġdid, Peter Fenech flimkien mal-Viċi Chairman il-ġdid, Joe Bugeja, u l-membri George Cremona, Danica Caruana u Marion Portelli, se tħares il-proċess elettorali b’mod transparenti, ġust u imparzjali mingħajr ebda ndħil.

Il-Kunsill Ġenerali se jiftaħ nhar il-Ġimgħa bil-kunsilliera li se jkunu mitluba jivvutaw fuq din il-mistoqsija: “Liema waħda minn dawn trid li t-tesserati tal-Partit Nazzjonalista jiġu mitluba jivvutaw dwarha fil-Konvenzjoni Ġenerali”.

Minn hemm, il-kunsillier huwa mitlub jimmarka waħda minn żewġ kaxxi, waħda li tindika l-Konferma tal-Kap tal- Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, u oħra li tindika l-Elezzjoni għall-Kap.

Il-votazzjoni dakinhar tiftaħ mal-ftuħ tal-Kunsill Ġenerali bejn is-6 u t-8 ta’ filgħaxija f’Malta biss u tkompli l-għada is-Sibt – f’Malta bejn it-8 ta’ filgħodu u 6 ta’ filgħaxija, filwaqt li f’Għawdex se ssir bejn id-9 ta’ filgħodu u l-4 ta’ waranofsinhar.

Għal dawk li ma jistgħux jivvutaw fit-tmiem il-ġimgħa li ġejja, il-Kummissjoni Elettorali, Data u Records ħasbet biex issir votazzjoni bikrija nhar l-Erbgħa li ġej bejn il-5 u t-8 ta’ filgħaxija kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex.

F’Malta, il-votazzjoni se ssir fid-Dar Ċentrali tal-PN, il-Pietà, filwaqt li f’Għawdex, il-votazzjoni se ssir fil-Kwartieri tal-PN f’Ta’ Sannat. bil-Maltin jistgħu jivvutaw Għawdex u viċe-versa iżda dan irid isir b’avviż.

Dwar dawk eleġibbli jivvutaw fil-Kunsill Ġenerali, Francis Zammit Dimech irrimarka li mal-mument li ssejjaħ il-vot, ġiet iffriżata l-lista ta’ dawk eleġibbli u issa hija fil-kontroll tal-Kummissjoni Elettorali.

Iżda l-lista tal-Konvenzjoni għadha mhix iffriżata u għalhekk ħeġġeġ lit-tesserati eżistenti sabiex jirregolarizzaw il-ħlas tat-tessera minn tal-anqas tas-snin kalendarji 2018/19, dejjem skont ir-regolamenti tal-Kummissjoni Elettorali, sabiex ikunu eleġibbli jivvutaw fil-Konvenzjoni Ġenerali u fl-istess ħin ikunu qed jikkontribwixxu finanzjarjament lill-Partit.

Is-Segretarju Ġenerali saħaq li l-kunsens unanimu milħuq il-Ħamis kien frott diskussjoni matura u serja illi saret.  Għalhekk jistenna li kulħadd jimxi mal-eżitu tal-vot tat-tesserati sabiex il-Partit Nazzjonalista jkun alternattiva għall-Gvern preżenti.

“Ejja nagħlqu l-kapitlu ta’ deċiżjonijiet kruċjali. Ejja nieħdu d-deċiżjonijiet tagħna issa fl-iktar livell wiesa’ u mifrux. U ejja nagħmluh bl-iktar mod trasparenti, serju u ta’ diskussjoni miftuħa ta’ kull opinjoni illi hemm. Għaliex la hemm proċess li fih irridu nieħdu vot u deċiżjoni, id-diskussjoni rrid ukoll tkun waħda miftuħa, bil-għaqal u matura biex verament inkunu smajna l-fehmiet kollha.”

Bħala Segretarju Ġenerali se jkun jara li l-fehmiet kollha jitwasslu fuq il-mezzi kollha tax-xandir tal-Partit Nazzjonalista.