Inter telgħu fit-tieni post tal-klassifika b’rebħa ta’ 3-0 fi Stadio Marassi kontra Genoa. B’hekk huma jinsabu punt fuq Atalanta u erba’ taħt il-leaders Juventus qabel il-konfront li għandhom għada. B’rebħa Juventus jaċċertaw mir-rebħ tal-kampjonat.
ROMELU LUKAKU fetaħ l-iskor fl-34 minuta b’daqqa ta’ ras mill-viċin wara kross ta’ Cristiano Biraghi bix-xellug. Huma rduppjaw fit-83 minuta b’azzjoni ta’ Victor Moses bil-lemin lejn ALEXIS SANCHEZ li għeleb lil Mattia Perin b’xutt mill-ewwel li ħabat mal-mimduda qabel daħal fix-xibka. ROMELU LUKAKU ssiġilla r-rebħa fit-93 minuta b’azzjoni personali u skorja t-23 gowl fil-kampjonat.
Parma għelbu lit-tim relegat Brescia 2-1 fi Stadio Rigamonti. MATTEO DARMIAN fetaħ l-iskor fid-59 minuta wara li rċieva kross fil-baxx ta’ Dejan Kulusevski.
Il-vantaġġ ta’ Parma dam biss tliet minuti wara li DANIELE DESSENA ġab id-draw meta ħa vantaġġ minn żball fid-difiża ta’ Parma. Iżda Parma skorjaw il-gowl tar-rebħa fil-81 minuta b’xutt sabiħ għar-rokna ta’ DEJAN KULUSEVSKI.
//= $special ?>