Internazzjonali

It-talb tal-Ġimgħa f’Hagia Sophia jirritorna wara 86 sena

Il-President Tork Recep Tayyip Erdogan jingħaqad mal-Musulmani f'dan it-tempju li kien Katidral Nisrani

Katidral Nisrani li nbidel f’Moskea mbagħad f’Mużew f’Istanbul reġa’ fetaħ il-bibien tiegħu għat-talb tal-Ġimgħa bħala Moskea wara 86 sena.

Il-President Tork, Recep Tayyip Erdogan, infatti ngħaqad ma’ mijiet ta’ Musulmani għat-talb f’Hagia Sophia, ftit jiem biss wara li dan il-mużew ġie konvertit f’moskea, u anki qara silta mill-Koran.

Kienu eluf dawk li vvjaġġaw għat-talb tal-Ġimgħa lejn dan is-sit storiku, li nbidel f’mużew fl-1934 u kien meqjus fost l-aktar Katidral Insara meqjuma fid-dinja.

Ħafna nies spiċċaw jikkampjaw barra matul il-lejl sabiex jaraw ix-xandira fil-pjazza, b’nuqqas ta’ ħarsien tad-distanzi soċjali tant li l-uffiċjali tas-sigurtà waqqfu lin-nies milli jkomplu joħonqu liż-żona minħabba l-biża’ ta’ tixrid tal-COVID-19.

Hagia Sophia spiċċa ċ-ċentru ta’ kontroversja sħiħa, b’dawk li opponew, fosthom il-mexxejja Insara, il-UNESCO, il-Gvern Grieg u dak Amerikan, u saħansitra l-Papa Franġisku nnifsu.

Huma saħqu li l-mossa ta’ Erdogan hija provokazzjoni aperta lid-dinja ċivilizzata u s-sit għandu jibqa’ mużew biex jirrifletti d-diversità tal-patrimonju reliġjuż f’Istanbul u jservu ta’ simbolu t’unità bejn l-Insara u l-Musulmani.

Minkejja li s-sit se jibqa’ miftuħ għat-turisti u se jinżammu s-simboli Nsara fil-Moskea, din id-deċiżjoni tikxef il-qasma tas-soċjetà Torka bejn is-sekulariżmu u t-twemmin reliġjuż konservattiv ta’ Erdogan.