Sport Sport Ieħor

Marquez mhux se jieħu sehem fit-tieni Grand Prix tal-istaġun

(Ritratt: EPA)

Iċ-champion tad-dinja Marc Marquez mhux se jibda l-Grand Prix ta’ Andalusija f’Jerez wara li rtira mill-fażi ta’ kwalifikazzjoni, erbat ijiem wara operazzjoni serja fi spalltu. Marquez li għandu 27 sena weġġa’ fl-ewwel Grand Prix tal-istaġun il-Ħadd li għadda u kien qed jittama li jtellaq wara l-operazzjoni li għamel biss it-Tlieta li għadda.

Il-kap ta’ Honda Alberto Puig li saħaq li mhux se jieħdu aktar riskji wara li fl-ewwel fażi ma ħassux komdu. “Kien diġà ħafna li ġie u prova iżda għamilna deċiżjoni tajba. Rebbieħ ma jistax jibqa’ d-dar jekk jaħseb li għandu ċans,” kompla Puig. Marquez falla s-sessjoni ta’ prattika l-Ġimgħa u naqas li jagħmel ħin fil-fażi ta’ kwalifikazzjoni. L-ewwel Grand Prix tal-istaġun intrebħet mill-Franċiż Fabio Quartararo, l-istess sewwieq li kiseb il-pole position għat-tieni tellieqa f’Jerez.