Lokali

Spezzjonijiet mill-Pulizija f’diversi toroq tal-Ħamrun

Ritratt: Mill-Arkivji

Ilbieraħ bil-lejl, il-Pulizija tad-Distrett tal-Ħamrun, assistiti mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit, wettqu numru ta’ spezzjonijiet f’diversi toroq fil-Ħamrun, fosthom fi Triq il-Kbira San Ġużepp, Triq Dun Nerik Cordina Perez, Triq Ħal Qormi, Pjazza San Pawl, kif ukoll saru spezzjonijiet
għall-għarrieda f’diversi ħinijiet tal-ġurnata fi Ġnien Oreste Chircop.

L-ispezzjonijiet kienu kkonċentrati l-iktar fuq ħwienet u stabbilimenti sabiex ikun assigurat li qegħdin joperaw skont il-liġi, kif ukoll skont il-liċenzja maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti. Numru ta’ ħwienet instabu qegħdin joperaw bil-liċenzja skaduta u għaldaqstant intalbu sabiex
jagħlqu minnufih sakemm jirregolaw ruħhom mal-awtoritajiet kompetenti.

Waqt dawn l-ispezzjonijiet inħarġu numru ta’ taħrikiet ta’ kontravenzjoni fosthom tipjip fuq ġewwa tal-istabbilimenti. Ġew innutati rregolaritajiet oħra u għaldaqstant se jinħarġu akkużi filkonfront ta’ kull min wettaq l-illegalità.

Filwaqt li dawn l-ispezzjonijiet se jkompli jsiru fil-lokalitajiet kollha madwar il-pajjiż, il-Pulizija tappella għall-koperazzjoni, kemm tas-sidien tal-istabbilimenti kif ukoll tal-persuni li jiffrekwentawhom u jittieħdu l-passi skond il-liġi kontra dawk li ma josservawx il-liġi.