Lokali Qorti

AĠĠORNATA: Allegaw li kienu vittmi ta’ serqa…meta s-serqa għamluha huma stess

Jitressqu l-Qorti b'rabta ma' każ ta' "fake hold-up"

Żewġ persuni li kienu involuti f’serqa li seħħet f’ħanut f’Birkirkara, tressqu l-Qorti quddiem il-Maġistat Doreen Clarke. Dan hekk kif huma allegaw li kienu vittmi ta’ serqa meta s-serqa wettquha huma stess.

Fil-Qorti, Michael Borg u Liam Arena ammettew li serqu 18,000 ewro, fejn id-difiża argumentat li ż-żewġt irġiel kienu għaddejjin minn problemi finanzjarji minħabba l-pandemija tal-coronavirus u kif ukoll li rritornaw parti kbira mis-somma tal-flus li serqu.

Is-serqa seħħet l-Erbgħa filgħodu, għall-ħabta tat-tmienja u kwart minn ħanut tal-logħob li jinsab fi Triq il-Wied, f’Birkirkara. Liam Arena ta’ 32 sena residenti Ħ’Attard, li huwa impjegat tal-istess kumpanija, spjega li huwa kien għadu kemm ħareġ mill-istabbiliment b’basket bil-flus. Malli kien se jpoġġih fil-karozza, waqaf ħdejh mutur. Huwa allega li s-sewwieq tal-mutur, Michael Borg ħareġ sikkina u ħadlu l-basket li fih kien hemm ammont konsiderevoli ta’ flus kontanti u ħarab minn fuq il-post.

Minn investigazzjonijiet li saru rriżulta li fis-serqa hemm l-involviment tal-istess impjegat, flimkien mal-allegat ħalliel, raġel ta’ 42 sena residenti l-Gżira.

Iż-żewġt irġiel ġew arrestati wara diversi tfittxijiet f’garaxxijiet u residenzi privati fejn il-Pulizija tad-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali sabu l-mutur li ntuża fis-serqa, kif ukoll parti kbira mill-flus misruqa, li ħafna minnhom kienu moħbijin f’partijiet tal-mutur.

L-irġiel ingħataw sentenza ta’ sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin filwaqt li l-Qorti ordnat li jridu jħallsu €4,000 fi żmien sitt xhur bħala parti mis-somma li għad fadal li jirritornaw.

Għal Michael Borg dehru l-Avukati Franco Debono u Francesca Zarb, filwaqt li l-Avukati Joe Giglio u Sarah Mifsud dehru għal Liam Arena.