Coronavirus Ewropa Internazzjonali Saħħa

Żieda rekord ta’ każi ġodda f’ġurnata waħda globalment

L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa rrappurtat żieda rekord ta’ każi ġodda ta’ Coronavirus f’ġurnata waħda madwar id-dinja, minkejja li ħafna pajjiżi qegħdin jirrilaxxaw il-miżuri ta’ lockdown.

Dan hekk kif il-Ġimgħa ġew irreġistrati aktar mal-284,000 każ ġdid globalment filwaqt li l-imwiet bil-COVID-19 kważi żdiedu b’10,000, l-akbar żieda f’ġurnata sa mit-30 t’April li għadda.

Żidiet notevoli kienu rreġistrati fl-Istati Uniti, bi ftit anqas minn 70,000, fil-Brażil bi ftit anqas minn 68,000 u fl-Indja bi kważi 50,000 każ ġdid.

L-ogħla żieda t’imwiet bil-Coronavirus esperjenzatu l-Peru bi ftit anqas minn 3,900 fatalitajiet u kienu segwiti mill-Brażil bi ftit anqas minn 1,300 fatalità u l-Istati Uniti bi ftit anqas minn 1,100.

Id-WHO il-Ġimgħa esprimiet it-tħassib tagħha ukoll fuq żieda sostanzjali fil-każijiet ta’ Coronavirus fl-Ewropa hekk kif ir-Renju Unit ingħaqad ma’ Franza, il-Ġermanja u l-Awstrija biex iħabbru regoli aktar stretti fl-ilbies tal-maskri u żieda fit-testing. 

Il-fergħa Ewropea tad-WHO appellat għal aktar miżuri restrittivi sabiex jiġi kkontrollat it-tixtrid tal-Coronavirus hekk kif il-każijiet baqgħu jiżdiedu b’mod kostanti f’dan l-aħħar ġimagħtejn madwar il-kontinent.

Dan tant li l-Gvern tal-Katalunja fi Spanja għalaq il-bars u d-diskoteki fir-reġjun għall-ħmistax li ġejjin minħabba ż-żieda, bil-Gvern Franċiż jappella liċ-ċittadini tiegħu biex ma jaqsmux il-fruntieri lejn dan ir-reġjun hekk kif Spanja l-Ġimgħa rreġistrat 900 każ ġdid.