Lokali Qorti

20 xahar ħabs oħra, din id-darba fuq serq minn pompa tal-petrol u li sar reċidiv

Sean Farrugua ta’ 31 sena minn Birkirkara ġie kundannat 20 xahar ħabs mill-Maġistrat Josette Demicoli wara li ammetta li sentejn ilu huwa kkommetta serqa ta’ petrol mill-pompa Speedy Petrol Station, ta’ Triq it-Torri tas-Sliema.

Farrugia li bi problema kbira ta’ droga, li nstab ħati diversi drabi minn diversi Qrati fuq reati marbuta ma’ dan il-vizzju ammetta li wettaq dan ir-reat ta’ serq aggravat bil-valur li jeċċedi l-€2,329 u li fl-istess żminijiet naqas milli josserva l-kundizzjonijiet impost fuqu mill-Qorti u li sar recidiv.

Il-Qorti qalet li nkwantu għall-piena ħadet in kunsiderazzjoni tan-natura tar-reati, l-ammissjoni fi stadju bikri, l-kondotta tieghu li minnha jirriżulta li bħalissa huwa qiegħed jiskonta sentenza ta’ priġunerija effettiva.

Mill-provi ħareġ ukoll li permezz ta’ nota tat-18 ta’ Ottubru 2019 il-Bord tar-Rijabilitazzjoni ta’ Persuni li Nqabdu bid-Droga informat lill-Qorti li Sean Farrugia kien waqaf mill-programmi tal-Caritas u l-‘careplan’ tal-Bord ma komplihiex.

Il-Bord għaldaqstant qal li ma deherlux li kien sar progress sodisfaċenti u dwar dan bu nfurmat lill-Qorti. Il-Prosekuzzjoni f’dan il-ka# ta’ serq ta’ fjuwil tmexxiet mill-Ispetturi Matthew Spagnol u Joseph Xerri.

Kważi tmien snin ilu Farrugia kien ġie kundannat ħames snin ħabs meta flimkien ma’ persuna oħra wara li kien instab ħati ta’ traffikar ta’ kannabis.
Fil-bidu ta’ din is-sena Farrugia kien ġie kundannat tliet snin ħabs oħra wara li fis-17 ta’ Jannar seraq €420 minn ħanut fil-Gżira, żamm persuna kontra l-volontà tagħha u li kellu arma taqta’ bil-ponta.

Huwa kien instab ħati wkoll li fis-6 ta’ Jannar seraq €650 minn lukanda fil-Gżira, li żamm persuna kontra l-volontà tagħha u li kellu arma taqta’ bil-ponta. Farrugia kien instab ħati wkoll f’dan il-każ li spiċċa biex sar reċidiv u li kiser ordni mogħtija mill-Qorti.