Stqarrija maħruġa mill-Ministeru tas-Saħħa fl-aħħar ħin tat aktar dettalji dwar l-14-il każ ġdid li ġew irreġistrati fl-aħħar 24 siegħa f’pajjiżna.
Skont il-Ministeru, disgħa mill-14-il każ huma każijiet ta’ persuni li attendew għall-party li sar f’lukanda f’San Ġiljan fi tmiem il-ġimgħa li għadda. Dan itella’ għal 15 in-numru ta’ każi li issa ħarġu minn din l-attività, bl-awtoritajiet jibqgħu jinsistu bl-appelli tagħhom biex kull minn attenda għal dan il-party iċempel 111 biex jagħmal appuntament ħalli jiġi ttestjat.
Il-Ministeru qed jinsisti li s-sintomi jistgħu jiżviluppaw fi żmien 14-il jum minn meta wieħed ikollu kuntatt ma’ persuna infettata, u għaldaqstant kull min attenda għal dawn l-attiviatjiet għandu jkun viġilanti għall-ġimgħatejn li ġejjin.
Kull min jiżviluppa xi sintomi għandu joqgħod ġewwa u jekk hemm bżonn jerġa jieħu test.
L-istqarrija tal-Ministeru tgħid li tlieta mill-każi l-ġodda huma każi ta’ trażmissjoni lokali u mhux magħruf minn fejn ħadu l-virus, filwaqt li tnejn oħra huma impurtati minn barra.
L-ebda wieħed minn dawn l-14-il każ mhu rikoverat l-isptar u jinsabu d-dar taħt l-attenzjoni tal-kura primarja.
//= $special ?>