Lokali

Abela jrid in-normalità akkost ta’ kollox – Fearne jappella għall-attenzjoni

“Qiegħdin miftuħin għax-xogħol u ser nibqgħu miftuħin”

Hekk sostna l-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela waqt li kien qed jindirizza l-għeluq tal-Konferenza Ġenerali Staordinarja tal-Partit Laburista fit-Teatru Rialtò f’Bormla.

Robert Abela saħaq li fl-għeqqel tal-pandemija huwa kellu ħolma li jgawdi s-sajf u sostna li huwa kburi li dan huwa proprju li qed jagħmel il-pajjiż.

Dan saħqu proprju waqt li fuq il-paġna ta’ Facebook tal-Ministeru għas-Saħħa tħabbar li fl-aħħar 24 siegħa ġie rreġistrat 14-il każ ġdid pożittiv għal Covid-19 – sfortunatament avviż ċar li l-Gżejjer Maltin għadhom ma’ ħarġux kompletament mill-pandemija.

Madanakollu għall-Mexxej Laburista l-poplu jrid jibqa’ għaddej minn normalità sħiħa l-għaliex saħaq li illum qed nixhdu l-fatt li l-Gvern kien jaf x’inhu jagħmel waqt il-pandemija u l-ajruport u l-portijiet infetħu b’mod prudenti – minkejja li ż-żieda tal-Ħadd kienet l-ogħla waħda sa mix-xahar ta’ Mejju.

Robert Abela ddeskriva lill-persuni li għadhom qed iżommu pass lura u jinsistu fuq il-miżuri li jissalvagwardaw lilhom u lil ta madwarhom, bħala nies li jridu jfixklu l-ekonomija bin-negattiviżmu tagħhom.

Mill-banda l-oħra, fid-dawl li fl-aħħar tminnt’ijiem pajjiżna rreġistra 26 każ ġdid ta’ Covid-19, għall-kuntrarju ta’ Robert Abela, il-Ministru għas-Saħħa u Deputat Prim Ministru Chris Fearne uża ton differenti u saħaq li minħabba li pajjiżna qed jiftaħ il-bibien tiegħu beraħ għandna nkunu responsabbli aktar minn qatt qabel… u ddeskriva dan iż-żmien bħala wieħed diffiċli

Ikkummenta