“Hu diżappuntanti li l-Ministeru tas-Saħħa u Sovrintendenza tas-Saħħa Pubblika qed ipoġġu interessi finanzjarji qabel is-saħħa tal-Maltin”. Sostna dan, Malta Health Network (MHN) – organizzazzjoni li tiġbor fiha mal-40 għaqda mhux governattiva li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa.
F’ittra miftuħa lill-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne u lis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, MHN esprima d-diżappunt għad-deċiżjoni tal-Gvern li jirtira l-Avviż Legali li jipprojbixxi it-tipjip f’inqas minn 10 metri minn fejn ikun servut l-ikel.
MHN qalu li m’hemm ebda data li tappoġġja r-raġunament tal-Gvern li t-tneħħija tal-projbizzjoni fuq it-tipjip tgħin ir-ristoranti. Anzi, pjuttost bil-kontra għaliex studju li sar din is-sena fil-Korea t’Isfel wera li ma kien hemm ebda effetti negattivi fuq ir-ristoranti wara d-dħul ta’ projbizzjoni fuq it-tipjip.
Skont stħarriġ, mat 80% tal-popolazzjoni adulta f’Malta ma tpejjipx. MHN qalu li t-tneħħija tal-Avviż Legali mill-Gvern mhux biss qed tippromwovi t-tipjip iżda qed tpoġġi familji sħaħ f’periklu mid-dħaħen ta’ sigaretti u ma tħallihomx igawdu ikla fuq barra f’dawn ix-xhur tas-Sajf.
Għaldaqstant, MHN appellaw biex l-awtoritajiet ibiddlu d-deċiżjoni u tinżamm il-projbizzjoni tat-tip f’inqas minn 10 metri minn fejn ikun servut l-ikel.
//= $special ?>