L-Iskwadra ta’ Kontra r-Reati Vjolenti fi ħdan id-Dipartiment tal-Investigazzjoni Kriminali fl-aħħar ħin wettaq żewġ arresti b’rabta ma’ serqa kbira ta’ ġojjelli iktar kmieni din il-ġimgħa.
Stqarrija tal-Pulizija tgħid li l-arresti huma marbuta ma’ serqa li saret il-Ġimgħa filgħodu minn residenza fi Triq il-Kwartin fis-Swieqi. F’din is-serqa, il-ħallelin serqu safe li kien fih diversi ġojjelli b’valur ta’ eluf ta’ ewro. Mill-investigazzjonijiet tal-Pulizija sar magħruf li l-ħallelin ħarbu mill-post permezz ta’ van tat-tip Ford Transit.
Aktar tard waranofsinhar, il-Pulizija waslitilha informazzjoni li żewġ persuni marru f’ġojjellerija jipprovaw ibiegħu oġġetti tad-deheb li allegatament kienu fost dawk misruqa mir-residenza fis-Swieqi. Il-Pulizija elevat filmat minn kameras tas-sigurta’ u minnufih inħareġ mandat ta’ arrest fil-konfront tagħhom.
Iktar tard il-Ġimgħa filgħaxija fil-Ħamrun, il-Pulizija arrestat raġel ta’ 27 sena residenti l-Ħamrun u quddiem ir-residenza instab il-vann li intuża fis-serqa. Il-Pulizija għamlet tfittxija fil-vann fejn instabu oġġetti allegatament użati fis-serqa.
L-Investigazzjonijiet tal-Pulizija komplew u lbieraħ filgħodu f’Ħaż-Żebbuġ, il-Pulizija arrestat raġel ta’ 27 sena residenti l-Belt Valletta. Iż-Żewġt irġiel se jitressqu l-Qorti illum quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella.
//= $special ?>