Internazzjonali Lokali

Covid-19: Franza u l-Ġermanja jippruvaw jikkontrollaw l-infezzjonijiet

Filwaqt li qed tixgħel ‘bozza ħamra’ fuq Spanja minħabba ż-żieda fil-każi tal-coronavirus, l-aħħar rapporti qalu li Franza u l-Ġermanja wkoll qed jissieltu biex irażżnu l-infezzjonijiet ġodda tal-Covid-19 li feġġew fir-reġjuni tagħhom.

Fi Franza, l-ammont ta’ infezzjonijiet ġodda – fuq bażi ta’ jum għal jum —  nhar is-Sibt qabeż l-1,000 għat-tieni ġurnata konsekuttiva; b’dan ifisser li l-livell tal-infezzjonijiet reġa’ lura għal li kien meta l-lockdown fil-pajjiż kien naqas f’Mejju li għadda. Franza hi fost l-aktar pajjiżi Ewropej li ntlaqtu ħażin mill-coronavirus, fejn irreġistrat ‘il fuq minn 217,000 każ u madwar 30,000 mewta.

Il-Prim Ministru Franċiż, Jean Castex, ħabbar li n-nies li qed jivvjaġġaw lejn artu minn sittax-il pajjiż fil-kategorija ‘high risk’ iridu jkunu suġġetti għal testijiet għall-virus fuq il-post. Iżda l-Gvern Franċiż irid jevita ritorn għal sitwazzjoni ta’ lockdown sħiħ, bil-għan li jipproteġi lill-ekonomija.

L-infezzjonijiet ġodda żdiedu bil-kbir anki fil-Ġermanja – bir-rapporti jtennu li, nhar il-Ġimgħa, kien hemm 815-il każ tal-Covid-19 li hu l-ogħla ammont ta’ infezzjonijiet ‘għal 24 siegħa partikulari’ min-nofs Mejju f’dan il-pajjiż. Iċ-ċifra tas-Sibt fil-Ġermanja wkoll kienet għolja, b’781 każi ġodda jkunu rappurtati.

Il-Ministru tas-Saħħa Ġermaniż, Jens Spahn, qal lir-Radju ta’ Deutschlandfunk li l-Gvern, ‘il quddiem, kapaċi jintroduċi sistemi fejn in-nies li jaslu fil-pajjiż minn destinazzjonijiet bħall-Istati Uniti, it-Turkija u l-Ġermanja, ikunu suġġetti ‘bilfors’ għal testijiet li jindikaw jekk jistgħux qed iġorru dan il-virus.