Internazzjonali

Covid-19: Ir-Renju Unit jiddefendi d-deċiżjoni għall-kwarantina fil-każ tan-nies li qed jaslu minn Spanja

Il-Gvern tar-Renju Unit qed jiddefendi d-deċiżjoni ‘ta’ malajr’ li ħa biex jimponi erbatax-il jum ta’ kwarantina għal kulmin qed jasal f’artu minn Spanja.

Il-Ministru Britanniku għall-Affarijiet Barranin, Dominic Raab, qal, sadanittant, li filwaqt li dan il-pass se joħloq l-inkonvenjent u ‘ftit tal-konfużjoni’ għat-turisti u persuni li qed jirritornaw ir-Renju Unit wara l-btajjel, il-Gvern ‘ma jistax joqgħod jagħmel l-apoloġiji’ f’dawn iċ-ċirkustanzi delikati.

Ir-regola ġdida għall-ivvjaġġar fid-dawl tal-coronavirus tħabbret fi tmiem il-ġimgħa, wara żieda sinifikanti ta’ infezzjonijiet bil-Covid-19 fi Spanja.

Intant, id-deċiżjoni tal-awtoritajiet Britanniċi biex in-nies li jaslu pajjiżhom minn Spanja jispiċċaw suġġetti għall-kwarantina mistennija tagħti daqqa ta’ ħarta oħra lis-settur tat-turiżmu Spanjol.

Is-settur turistiku hu l-aktar industrija vitali għal Spanja u l-jiem li ġejjin mistennija jħallu aktar riperkussjonijiet negattivi għall-ekonomija Spanjola. Dan meta Spanja  kienet fost il-pajjiżi Ewropej li ġarrbu l-agħar impatt tal-coronavirus minn dan il-lat.

Min-naħa tiegħu, Dominic Raab qal li l-Gvern tiegħu wasal ‘malajr kemm jista’ ikun’ għad-deċiżjoni wara li analizza d-data relevanti. Filwaqt li ammetta li d-deċiżjoni qed tissarraf ‘fid-diffikultajiet għan-nies’ il-Ministru spjega li ‘ ikun ħafna agħar li kieku r-Renju Unit iżomm lura milli jimplimenta l-miżuri meħtieġa fiż-żmien neċessarju’.

Fl-istess ħin, il-Gvern Britanniku tenna li r-Renju Unit ikun qed jissogra ‘tieni mewġa tal-Covid-19’ – u lockdown totali ieħor – f’każ li ma jieħux il-passi diffiċli fid-dawl tal-kriżi.

Sadanittant, numru ta’ linji tal-ajru qed jikkritikaw l-aħħar miżuri tal-Gvern Britanniku bħala ‘daqqa ta’ ħarta oħra għall-Britanniċi li jridu jsiefru’.

Spanja, fl-aħħar jiem, kienet inkluża fil-lista ‘riveduta’ tal-Gvern Britanniku li telenka ‘id-destinazzjonijiet sikuri għall-persuni li jridu jivvjaġġaw lejn numru ta’ pajjiżi ( u lura) mill-Ingilterra’.

Dan wara li Spanja, nhar il-Ħamis, ikkonfermat 971 infezzjonijiet ġodda mill-Covid-19 għal ġurnata waħda — u li kienet l-akbar żieda għall-perjodu ta’ żmien speċifiku mindu ntemm il-lockdown fil-pajjiż. Nhar il-Ġimgħa, Spanja rappurtat 922 każi oħra tal-Covid-19.

L-uffiċjali fi Spanja, sadanittant, qed iwissu li tieni mewġa tal-coronavirus tista’ tkun imminenti, fost iż-żieda ta’ infezzjonijiet f’numru ta’ bliet ewlenin.

Sallum, fi Spanja, mietu aktar minn 28,000 mill-coronavirus, bl-awtoritajiet fir-reġjun ta’ Katalonja, issa, qed jieħdu passi għall-kontroll tal-attivitajiet assoċjati man-nightlife. F’dan ir-reġjun, li jinkludi l-belt ta’ Barċellona, daħlu fis-seħħ direttivi biex in-nightclubs jagħlqu għal ġimgħatejn, b’diversi stabbilimenti tax-xorb iridu jservu lin-nies sa nofs il-lejl ‘biss’.

Il-potenzjal li l-virus jinfirex fost iż-żgħażagħ qed iħasseb sew lill-Ispanjoli, speċjalment ladarba gruppi enormi ta’żgħażagħ kienu qed jinġabru matul il-lejl fid-diversi bliet tal-pajjiż.

Franza wisset liċ-ċittadini tagħha biex ma jivvjaġġawx lejn Katalonja waqt li n-Norveġja, fl-aħħar sigħat, ikkonfermat li hi ukoll se timponi l-kwarantina għan-nies li jaslu f’artha minn Spanja.