Ghalkemm il-Gvern qed jagħti x’jifhem li kollox irritorna għan-normalità, tant li l-Prim Ministru Robert Abela saħaq diversi drabi li l-mewġ jinsab fil-baħar, l-industriji tat-turiżmu, l-ospitalità u d-divertiment huma ferm aktar kawti minn hekk.
Dan ħareġ minn intervista tal-gazzetta Illum li saret mal-President tal-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u r-Ristoranti, Tony Zahra, u mal-Viċi President tal-Kamra għall-Intrapriżi Żgħar u Medji, Philip Fenech, dwar l-andament fis-setturi rispettivi.
Fuq il-qagħda preżenti ta’ wasliet wara 3 ġimgħat mill-ftuħ tal-ajruport, Tony Zahra tal-MHRA qal li biex jintlaħqu n-numru ta’ turista li qagħdu fil-lukandi fil-gżejjer tagħna s-sena li għaddiet, kull Malti jrid joqgħod erba’ xhur u nofs f’lukanda.
Għall-lukandiera.. kollox iħoll u jorbot fuq kemm se nkunu kapaċi nikkonvinċu n-nies biex jitilgħu l-ajruplan u jiġu Malta.
Dan għaliex it-turiżmu intern, tajjeb kemm hu tajjeb, mhux se jagħmel tajjeb għall-wasliet ta’ turisti f’pajjiżna hekk kif il-lukandiera qed ibassru li fl-2021, se jaslu 50% tat-turisti li waslu s-sena li għaddiet.
Dwar il-ftit wasliet ta’ turisti f’dawn l-aħħar ġimgħat, Philip Fenech mill-Kamra tal-SMEs qal li għalkemm kull turist jagħmel differenza, is-sitwazzjoni mhijiex sostenibbli għall-istabbilimenti tad-divertiment.
Mill-indikazzjonijiet li għandha l-Kamra, fil-preżent hawn mat-23,000 turist, ċifra baxxa ferm għal dawn iż-żminijiet u li għas-settur turistiku turi li s-sitwazzjoni għadha ferm iebsa.
Il-lukandiera qed ibassur li l-aħjar xahar għalihom fis-sitwazzjoni preżenti se jkun Settembru, minħabba tliet avvenimenti tal-massa, li fi kliem Philip Fenech, mistennija jiġbdu ħafna turisti.
Minkejja dan, tibqa’ tirrenja l-kawtela fis-settur hekk kif ma jistgħux jippjanaw fit-tul għaliex hemm ftit jew wisq ċpar fuq x’se jiġri f’Ottubru u wara minħabba l-biża’ li l-virus jista jerġa’ jgħolli rasu.
Intant, f’intervista oħra fl-istess gazzetta, il-Kap Eżekutiv tal-FELTOM, James Perry, qal li minn stħarriġ li għamlu, l-iskejjel tal-Ingliż se jkunu qed jiġġeneraw biss 9.6% biss tan-negozju li ssoltu jiġġenera dan is-settur, bi skejjel minnhom lanqas biss indenjaw jiftħu l-bibien tagħhom.
Minkejja li ma keċċewx ħaddiema, James Perry qal li s-sitwazzjoni hija ħażina ħafna, partikolarment għall-futur immedjat, hekk kif l-indikazzjonijiet li l-iskejjel għandhom hija li mhux se jkunu ħafna l-wasliet ta’ studenti f’pajjiżna biex jitgħallmu l-Ingliż.
//= $special ?>