Lokali

Jattakkaw Chief Officer tal-Gozo Channel għax talabhom jilbsu l-maskra

Xi persuni li lbieraħ kienu qed jivvjaġġaw bil-vapur bejn Malta u Għawdex ħebbew għal Chief Officer tal-Gozo Channel wara li dan talabhom jilbsu l-maskra, skont il-linji gwida maħruġa mis-Suprintendenza tas-Saħħa Pubblika.

Jidher li dawn il-persuni, li kienu telgħin fuq il-vapur fil-port tal-Imġarr, m’apprezzawx wisq l-ordni mogħti lilhom, tant li niżlu mill-vettura li kienu fiha u attakkaw lill-impjegat.

Skont dettalji li ksibna mill-Pulizija, l-inċident seħħ għall-ħabta tas-6.30pm u żewġ persuni sofrew ġrieħi ħfief f’din l-aggressjoni. Huma ttieħdu l-Isptar Ġenerali t’Għawdex għall-kura.

Intant fi stqarrija maħruġa mill-UĦM Voice of the Workers, kien ikkundannat dan l-aġir fejn intqal li minflok dawn il-persuni obdew u libsu l-maskri kif suppost, niżlu huma għażlu li jattakkaw lill-impjegat b’mod viljakk.

Il-UĦM Voice of the Workers kompliet tgħid li ma tista’ qatt taċċetta li persuna jkun attakkat minħabba li jkun qed jagħmel xogħolu.

Sfortunatament f’dan il-pajjiż qed tinbet wisq il-kultura ta’ “nagħmel li
rrid u li jaqbilli” mingħajr ebda rispett lejn il-liġi u min jipprova jinforza l-liġi kompliet l-istqarrija.

Il-UĦM Voice of the Workers talbet lill-Gozo Channel Operations Limited sabiex ikun hemm pulizija jew uffiċjali oħra tal-Infurzar biex ikunu jistgħu jinfurzaw il-linji gwida maħruġa mis-Supretendent tas-Saħħa fuq il-vapuri tagħha u jieħdu passi kontra min ma jridx jobdi.

Barra minn hekk, il-union qalet li tistenna li f’dan il-każ partikolari, il-pulizija jieħdu dawk il-passi kollha meħtieġa skont il-liġi kontra dawk il-persuni li ħasbu li jistgħu jagħmlu li jridu u attakkaw lil dan l-impjegat.