Atletika Sport

Julian Zarb u Mireya Bugeja bl-aqwa prestazzjoni Maltija ta’ kull żmien fil-kategoriji tagħhom

(Ritratt: Wally Galea - Fotografu uffiċjali tal-MAAA)

Fl-aħħar laqgħa tal-atletika tal-istaġun għaż-żgħażagħ, Julian Zarb u Mireya Bugeja rreġistraw l-aqwa prestazzjoni Maltija ta’ kull żmien fil-kategoriji tal-età tagħhom.

Zarb ta’ La Salle kiseb ħin ta’ 5:03.20 fil-1500m steeplechase fost l-kategorija ta’ taħt is-16 –il sena biex għeleb l-isfida denja ta’ Noah Portelli ta’ Mosta Secondary u Matthew Curmi ta’ Savio. Bugeja li pparteċipat fil-kategorija ta’ taħt l-14 –il sena ġriet l-1200m f’ħin ta’ 3:58.28. B’dan il-ħin, Mireya Bugeja kisret ir-rekord li kien ilu jinżamm għal 11 –il sena li kien f’idejn l-atleta ta’ Starmax Nicole Gatt.

Fil-programm ta’ tmiem din il-ġimgħa fil-kategorija ta’ taħt it-12 u l-14 –il sena għal darb’oħra reġgħa kien hemm numru ta’ riżultati pożittivi fost it-tfal u ż-żgħażagħ li huma l-futur tal-atletika Maltija. It-tmiem il-ġimgħa li ġej se jkun wieħed mimli bl-atletika, bl-organizzazzjoni tal-Kampjonati Nazzjonali taż-Żgħażagħ u l-aħħar sfida fil-kategorija Open, l-aħħar avveniment qabel l-għeluq tal-istaġun permezz tal-Kampjonat Nazzjonali.