Sarjo Konteh huwa r-raġel ta’ 32 sena li nhar il-Ħamis tilef ħajtu traġikament meta ntradam taħt ħajt illi iġġarraf waqt li kien qed jaħdem f’sit ta’ kostruzzjoni f’Bormla.
Konteh kien minn Nyimina Jaffaie, f’Fulladu, il-Gambia, mir-reġjun magħruf bħala Central River Region.
Ironikament, huwa kien suldat fl-armata tal-Gambia qabel ma telaq mill-Afrika bit-tama li jsib futur aħjar, iżda d-destin ried mod ieħor.
Sa issa għadu mhux magħruf jekk il-qraba ta’ Konteh fil-Gambia ġewx mgħarrfa li l-ħaddiem tilef ħajtu f’Malta, u sar anke appell fuq Facebook sabiex min jista’ għandu kuntatt tal-familja tar-raġel jagħmel kuntatt mal-komunità Gambjana f’Malta.
Konteh tilef ħajtu fil-post fejn kien qed jaħdem kmieni l-Ħamis filgħodu. Miegħu kien hemm ħaddiem ieħor, raġel Belti ta’ 35 sena, li ndarab serjament u li għadu f’qagħda kritika.
Johann Ellul għandu żewġt itfal u sa ftit tax-xhur ilu kien impjegat mal-Air Malta, imma wara li tilef xogħlu mal-kumpanija Nazzjonali tal-ajru, hu beda jaħdem fil-kostruzzjoni.
L-inċident tal-Ħamis reġa’ qajjem ħafna diskussjoni dwar is-sitwazzjoni fil-qasam tal-kostruzzjoni f’pajjiżna, bil-Kamra tal-Periti, fost l-oħrajn, terġa tfakkar kif hi ilha x-xhur issus wara l-Gvern sabiex isiru riformi li huma meħietġa biex din l-industrija toħroġ mill-kriżi li issa ilha fiha s-snin. Huma qed jisħqu li kull min jaħdem fis-settur għandu jkun illiċenzjat biex il-livell tax-xogħol f’dan is-settur jitjieb.
Madankollu l-appelli tal-periti u ta’ bosta entitajiet oħra qed jiqbgħu jaqgħu fuq widnejn torox, u riżultat ta’ dan, pajjiżna rega’ kellu vittma oħra.
//= $special ?>