Lokali

L-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem twissi kontra l-attivitajiet tal-massa

L-Assocjazzjoni Maltija ta’ min iħaddem esprimiet tħassib u appellat lill-awtoritatjiet sabiex iwaqqfu immedjatament kull attività tal-massa li qed jirriskjaw li jħassru x-xogħol kollu li sar fi sforz biex titrażżan il-firxa tal-virus f’pajjiżna.

L-Assoċjazzjoni qalet li ma jistax ikun hemm rebbieħa jekk ikun hemm żieda qawwija fil-każi kawza ta’ attivitajiet bħal dawn u li minbarra l-effetti ħżiena fuq is-saħħa pubblika, ir-riskju ta’ mewġa oħra ta’ każi tkun fatali għal ħafna negozji li sa issa baqgħu ghaddejjin sforz l-għaqal tagħhom.

Huma wissew li miljuni ta’ ewro mit-taxxi tal-Maltin ikunu intremew jekk ma noqgħodux attenti u jekk l-iskejjel jerġgħu ma jiftħux f’Settembru, ikun hawn kaos fis-suq tax-xogħol.

L-Assoċjazzjoni kompliet li anke l-qasam turistiku jieħu daqqa jekk nibqgħu naraw żieda fil-każi u wissiet li jekk nerġgħu immorru lura għan-nurmu ta’ każijiet li kien qed ikollna f’April, se jkolna eluf ta’ persuni li se jispiċċaw bla xogħol.