Lokali Qorti Qtil Politiku

Ried joffrilu €15,000 għall-Maħfra Presidenzjali

Melvin Theuma ried juża lill-Ġojja bħala sensar biex jgħaddi l-flus kontanti fi 3 pagamenti ta' €5000 lill-Eks Kummissarju Lawrence Cutajar

Melvin Theuma ried joffri €15,000 lil Edgar Brincat, magħruf bħala il-‘Ġojja’, biex jgħaddihom lill-Eks-Kummissarju tal-Pulizija, Lawrence Cutajar, sabiex jakkwista l-maħfra presidenzjali u b’hekk iserraħ moħħu żgur.

Dawn id-dettalji xokkanti t’attentat ta’ tixħim mal-ogħla fost il-karigi fil-Korp tal-Pulizija ġew żvelati mill-MaltaToday u attribwixxewhom ma’ konverżazzjonijiet li kellu Melvin Theuma ma’ Johann Cremona, sieħeb fin-negozju ma’ Yorgen Fenech, l-allegat kompliċi fl-assassinju tal-ġurnalista, Daphne Caruana Galizia.

Il-ġurnal, li ma żvelax minn fejn ġab ir-rekordings, qal li dawn ġew irrekkordjati mill-middleman fl-assassinju b’mod sigriet u ġew mgħoddija lill-Pulizija meta l-eks Prim Ministru Laburista, Joseph Muscat, tah maħfra presidenzjali biex jiżvela u jixhed il-verità fuq kwalunkwe reat li hu kien konxju minnhom, inkluż l-assassinju.

Id-deċiżjoni li jagħti l-maħfra lil Theuma, Muscat kien ħadha waħdu mingħajr il-parir tal-kabinett tiegħu.

Jidher li f’dawn ir-recordings, Theuma jinstema’ jgħid lil Cremona li ried juża lill-Ġojja bħala sensar biex jgħaddihom lil eks-Kummissarju fi 3 pagamenti ta’ €5000 fi flus kontanti kull darba.

Għall-ewwel Cremona ħaseb li Theuma ried ixaħħam lil xi ħadd mill-kuntatti li għandu, b’mod partikolari lil Kenneth Camilleri, iżda l-middleman ikkjarifika li kien qed jirreferi għall-Ġojja.

Dan tal-aħħar ma riedx lanqas ċenteżmu wieħed mingħand Melvin Theuma ħlief li jgħinu jikseb il-maħfra presidenzjali.

Hu maħsub li dawn ir-rekordings saru ftit ġimgħat qabel ma Theuma kien jaf li se jiġi arrestat fuq akkużi ta’ ħasil ta’ flus u fi żmien li Cremona kien f’kuntatt viċin ma’ Kenneth Camilleri, il-messaġġier tal-eks Chief of Staff ta’ Muscat, Keith Schembri.

Minkejja dan, jidher li Melvin Theuma kien konxju li l-Pulizija mistennija tagħmel rejd fuq propjetà li fihom jgħixu il-partner tiegħu u bintha.

Cremona serraħlu rasu li kien se jilħaq qbil ma’ Kenneth Camilleri biex ir-rejd tal-Pulizija ma jkunx jinkludi dawn il-propjetajiet, dettall li jagħti x’tifhem li l-istess Cremona kellu l-poter jinfluwenza ħidmet il-Pulizija bis-saħħa ta’ Kenneth Camillier… għaliex Camillier kellu li xi ħadd ta’ poter akbar warajh.

F’dawn ir-recordings, Theuma kien saħansitra qal li l-kien il-Kummissarju tal-Pulizija li qallu, probabbilment permezz ta’ terzi persuni, li l-Interpol kien qed jistaqsu lill-Pulizija il-għala għadhom ma arrestawhx, bi Cremona jwieġeb li dan probabbilment ma kienx minnu dan u li x’aktarx Cutajar ried il-flus.