Wara li d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne illum waqt l-attivita’ politika tal-Partit Laburista stqarr nuqqasijiet dwar il-ftehim li bih tliet sptarijiet tal-poplu ngħataw lil Vitals, Robert Abela ma jistax jibqa’ jħares imma jrid jiddeċiedi u jgħaddi dawn l-isptarijiet lura lill-Maltin.
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li dan kien deal skandaluż li rabat lill-poplu ma nies li kienu għadhom kif għamlu kumpanija, li ma nafux min hi, bla kapital, bla garanziji bankarji u bla ebda esperjenza. Dan meta Vitals ingħataw kuntratt ta’ €2,000 miljun biex imexxu t-tliet sptarijiet għal 90 sena meta ma kellhom l-ebda esperjenza fil-qasam tas-saħħa.
Lanqas ma sar id-due diligence fuq Vitals, kumpanija li kienet irreġistrata inqas minn xahar qabel ma ngħatat dan il-kuntratt u b’kapital ta’ €1,000 biss u bla ebda rabtiet mal-banek sabiex jagħtuhom is-self meta ntrabtu li jagħmlu b’€187 miljun f’investiment, liema investiment qatt ma sar.
Robert Abela dan kollu jafu għax kien hemm meta kien konsulent ta’ Joseph Muscat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u kien hemm meta Konrad Mizzi minn wara dahar kulħadd iffirma kuntratt li nagħtu lil Steward €100,000,000 jekk ifallu.
Il-Partit Nazzjonalista, permezz ukoll tal-kawża li fetaħ il-Kap tal-partit Adrian Delia se jibqa’ jiġġieled biex tibqa’ toħroġ il-verita’ fuq dan id-deal skandaluż li huwa serqa ta’ flus il-poplu sakemm dawn l-isptarijiet jirritornaw lura għand il-Maltin u l-Għawdxin.
//= $special ?>