Gowl fil-bidu u ieħor lejn it-tmiem taw rebħa prezzjuża lil Napoli kontra Sassuolo. Din ir-rebħa ssaħħaħ it-tamiet ta’ Napoli li jispiċċaw fil-ħames post iżda t-tliet punti fi Stadio San Paolo waslu pjuttost bi tbatija. Dan għaliex Sassuolo kellhom xejn anqas minn tliet gowls li tħassru bil-VAR. Napoli fetħu l-iskor wara seba’ minuti b’xutt fil-baxx għar-rokna tal-Albaniż ELSEID HYSAJ li għeleb lil Andrea Consigli. Dan kien l-ewwel gowl ta’ Hysaj ma’ Napoli.
Sassuolo kienu ħasbu li ġabu d-draw fis-37 minuta b’Filip Djuricic jiskorja mir-rebound wara li David Ospina kien salva parzjalment ix-xutt ta’ Hamed Traore, b’tal-aħħar jiġi ddikjarat offside fl-azzjoni. Sassuolo sabu x-xibka fid-49 minuta, b’azzjoni ta’ Domenico Berardi lejn Traore li għadda passaġġ preċiż lejn Francesco Caputo li għeleb lil Ospina, iżda wara konsultazzjoni mal-VAR instab li Berardi kien offside fl-azzjoni.
It-tim ta’ de Zerbi ħaseb li finalment ġab id-draw fil-61 minuta, din id-darba b’passaġġ ta’ Caputo lejn Berardi, bil-captain jixħet wara Ospina b’xutt fil-baxx. Iżda wkoll f’din l-okkażjoni l-gowl tħassar mill-VAR għal offside ta’ Caputo. Napoli laqtu l-lasta fis-87 minuta permezz ta’ Matteo Politano u għalqu l-logħba fl-94 minuta b’xutt fil-baxx minn barra l-kaxxa tas-sostitut ALLAN.
//= $special ?>