Internazzjonali

Stati Uniti: Konfronti ġodda f’Seattle bejn il-pulizija u d-dimostranti għal kontra r-razziżmu

Il-pulizija fil-belt ta’ Seattle kellhom numru ta’ konfronti vjolenti ma’ folol ta’ dimostranti li kienu qed jimmarċjaw favur l-attivitajiet ta’ protesta għal kontra r-razziżmu. L-inċidenti f’Seattle qajjmu l-akbar livell ta’ tensjoni minn fost l-aħħar rallies organizzati fuq l-istess tema anti-razzista u li kienu organizzati madwar l-Istati Uniti fi tmiem il-ġimgħa.

Il-pulizija f’Seattle użat il-pepper spray u stun grenades biex jikkonfrontaw il-folol waqt li d-dimostranti qabbdu xi nirien huma u jkissru t-twieqi tal-istabbilimenti.

Id-dimostrazzjoni ta’ Seattle kienet qed issir b’appoġġ ta’ protesti simili li ilhom għaddejjin il-jiem fl-inħawi ta’ Portland — fost rapporti li l-pulizija arrestaw talanqas 50 dimostrant, b’aktar minn 20 uffiċjal tal-liġi jweġġgħu fil-konfronti.

Intant, raġel spiċċa jitlef ħajtu f’inċident li seħħ waqt marċ bit-tema Black Lives Matter fl-inħawi ta’ Austin, f’Texas. Ir-rapporti inizjali indikaw li l-vittma seta’ kien qed iġorr azzarin u fejn spiċċa mira ta’ sparar waqt li kien qed javviċina lil xi nies ġo vettura. Il-pulizija qed iżżomm raġel suspettat biex jgħin bl-istħarriġ tagħha.

Dawn id-dimostrazzjonijiet ingħataw stimolu ġdid mill-konfronti vjolenti, f’Portland, bejn dimostranti u l-aġenti federali li kienu stazzjonati f’dik il-belt fuq id-direttiva tal-President Amerikan Donald Trump. L-istazzjonar seħħ minkejja li l-mexxejja lokali kienu oġġezzjonaw għall-preżenza ta’ dawn l-aġenti.

Fl-aħħar sigħat, f’Seattle, eluf ta’dimostranti kienu nġabru bil-kwiet fost għajjat ta’ ‘No justice no peace ( l-ebda paċi mingħajr ġustizzja)’.

Intant, grupp ta’ nies imbagħad taw in-nar lil sit fejn qed tinbena faċilità għad-detenzjoni taż-żgħażagħ delinkwenti, qabel kissru t-twieqi ta’ bini tal-qorti u ta’ stabbilimenti fil-viċin. Dan waqt li gruppi ta’ dimostranti waddbu l-ġebel, fliexken u logħob tan-nar lejn il-pulizija, b’numru ta’ uffiċjali midruba, wara, jittieħdu l-isptar għall-kura.

L-awtoritajiet iddikjaraw dawn id-dimostrazzjonijiet bħala rvell u qalu li qed jinvestigaw jekk setax (anki) twaddab xi tagħmir splussiv lejn għassa tal-pulizija fiz-zona.

Il-belt ta’ Seattle, l-istess bħal Portland, għaddiet minn protesti ‘estiżi’ kontra r-razziżmu u l-brutalità tal-pulizija wara l-qtil, fil-25 ta’ Mejju, tar-raġel Afrikan-Amerikan George Floyd, li kien tilef ħajtu minuti biss wara li nżamm arrestat mill-pulizija f’Minneapolis, fl-Istat ta’ Minnesota.

Intant – u qabel l-aħħar inċidenti – id-dimostrazzjonijiet f’Seattle dehru li kienu qed jonqsu wara li zona lokali ta’ protesta ‘ħielsa mill-pulizija’ ma baqgħetx effettiva  minħabba ammont kontinwi ta’ sparaturi li kienu qed isiru fl-istess inħawi.

Inċidenti oħrajn waqt dimostrazzjonijiet kontra r-rażżiżmu li saru fi tmiem il-ġimgħa madwar l-Istati Uniti kienu rappurtati wkoll f’Aurora, fl-Istat ta’ Kolorado u f’Louisville, f’Kentucky. Fl-inċidenti ta’ Louisville, mijiet ta’ membri ta’ milizja tas-suwed insistew biex issir il-ġustizzja għal Breonna Taylor, mara sewda ta’ 26 sena, li, f’Marzu, kienet inqatlet minn tiri li sparawlha l-pulizija wara li daħlulha fl-appartament.

Fi żviluppi oħra, il-pulizija qalu li saru mat-80 arrest f’Omaha ( Nebraska) fejn id-dimostranti kienu qed ifakkru l-memorja ta’ James Scurlock, raġel iswed ta’ 22 sena li ftit tax-xhur ilu spiċċa maqtul minn tiri li sparalu raġel abjad li hu s-sid ta’ ħanut tax-xorb f’din il-belt.

Intant, dimostranti f’Richmond ( Virginia) taw in-nar lil trakk għall-ġbir tal-iskart li kien il-proprjetà tal-kunsill muniċipali, waqt li f’Los Angeles ( Kalifornja) kien hemm waqtiet ta’ ġlied bejn dimostranti u pulizija quddiem il-bini tal-qorti federali.