Lokali

Taljan gravi wara waqgħa fis-Swieqi

Ambulanza - Ritratt mill-arkivji

Raġel Taljan ta’ 34 sena, qed isofri minn ġrieħi gravi wara li weġġa’ wara li waqa’ minn għoli fis-Swieqi.

Għall-ħabta tal-4.15pm il-Pulizija ġiet infurmata permezz ta’ telefonata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha fi Triq C. Troisi, fis-Swieqi minħabba li kien waqa’ persuna mill-gallarija.

Il-Pulizija tad-Distrett ta’ San Ġiljan marru mill-ewwel fuq il-post u minn
investigazzjonijiet preliminari li saru rriżulta li Taljan kien waqa’ madwar sular għoli. Ir-raġel waqa’ wara li prova jaqbeż mit-tieqa tal-komun għall-gallarija tal-propjetà tiegħu minħabba li kien issakkar barra.

Fil-post issejjaħ tim mediku li ta l-ewwel għajnuna u ambulanza ħadet lir-raġel l-isptar għall-kura meħtieġa. Iktar tard, hu ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.

L-investigazzjonijiet mill-Pulizija tad-Distrett għadhom għaddejjin.