Internazzjonali

Tislima lil Peter Green, il-ko-fundatur ta’ Fleetwood Mac u wieħed mill-aqwa kitarristi tal-Blues-Rock

Id-Dinja tal-Mużika qed issellem lil Peter Green, il-ko-fundatur tal-grupp Anglo-Amerikan Fleetwood Mac, li miet fl-età ta’ 73 sena u li jibqa’ imsemmi bħala ikona tal-Blues-Rock għal kull żmien.

Green, fl-1967, kien ifforma Fleetwood Mac flimkien mad-drummer Mick Fleetwood u John McVie (bassista) wara li t-tlieta kienu kkollaboraw flimkien u ma mużiċisti oħrajn, bħala membri tal-grupp Bluesbreakers.

Iżda fl-1970, Green – wieħed mill-aqwa kitattiristi tal-mużika blues għal kull żmien — kellu jitlaq minn Fleetwood Mac minħabba problemi mentali u fejn, eventwalment, instab li kien qed ibati mill-skiżofrenija.

Ħames snin wara, il-kantanta Stevie Nicks u Lindsey Buckingham issieħbu ma’ Fleetwood Mac, bil-grupp ikompli jibni fuq il-pedament ta’ Green biex sar wieħed mill-aktar kumplessi li kisbu suċċess fil-qasam tal-mużika kontemporanja.

Intant, Green jibqa’ fost il-protagonisti wara l-isplużjoni tal-Blues tas-snin sittin, bil-ġurnal Rolling Stone ipoġġih fit-58 post tal-aqwa kitarristi ta’ kull żmien.

Kien l-istess Green li kiteb it-track strumentali famuż Albatross (ta’ Fleetwood Mac) li fl-1969 tela’ sal-ewwel post tal-klassifika tas-suċċessi fir-Renju Unit.