Lokali Qorti

Jinżammu arrestati fuq serq ta’ ġojjelli valur ta’ €60,000 minn residenza bis-safe b’kollox

Żewġt irġiel ta’ 27 sena nżammu arrestati wara li quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella tressqu l-Qorti b’urġenza akkużati li nhar il-Ġimgħa filgħaxija serqu safe bil-ġojjelli b’kollox valur ta’ €60,000.

Juanito Jimenez mill-Ħamrun u Ramsey Farrugia minn Ħaż-Żebbuġ wieġbu mhux ħatja li fi Triq il-Kwartin fis-Swieqi wettqu din is-serqa minn residenza fis-Swieqi.

Il-każ ġie solvut mill-Pulizija meta ftit tas-sigħat wara li seħħet is-serqa, l-Pulizija rċeviet informazzjoni li żewġt irġiel żaru ħanut tad-deheb u tal-ġojjellerija fil-Belt Valletta u ppruvaw ibiegħu xi oġġetti li kienu rrappurtati misruqa.

Il-Pulizija qalet li wara s-serqa l-akkużati ħarbu minn fuq il-post permezz ta’ vann Transit. Ħareġ ukoll li filmati tas-CCTV wasslu biex jinqabdu l-irġiel fejn irriżulta li Juanito Jimenez għandu l-van Ford Transit irreġistrat f’ismu, bil-Pulizija tgħid li kien l-istess wieħed użat fis-serq, u li dan instab ipparkjat barra d-dar tiegħu.

Fil-van allegatament instabu oġġetti li l-Pulizija jemmnu li ntużaw biex issir is-serqa. Sid il-van ġie arrestat u nterrogat nhar il-Ġimgħa filgħaxija. Sadanittant nhar is-Sibt, il-Pulizija arrestaw lil Farrugia. Jimenez ġie akkużat ukoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest fi tliet każijiet differenti.

L-Ispettur Roderick Attard qal fil-Qorti li allegat kompliċi ieħor ġie arrestat ukoll. L-avukati Franco Debono u Amadeus Cachia deheru għal Jimenez, filwaqt li l-Avukat Arthur Azzopardi deher għal Farrugia. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Joseph Xerri u Shaun Pawney.