Coronavirus Ekonomija Lokali

F’ĠUNJU: 4,270 persuna jirreġistraw għax-xogħol

Ħafna intrapriżi u ħwienet għadhom qed isibuha diffiċli ferm f'dan il-perjodu

Il-Prim Ministru Robert Abela qed jgħid li wara l-pandemija nħolqu 4,000 impjieg ġdid – l-istatistika uffiċjali tgħid li l-4,000 huma l-persuni li bħalissa qed jirreġistraw għax-xogħol.

Hija din l-istampa kontrastanti li toħroġ meta wieħed jara ċ-ċifri uffiċjali maħruġa t-Tnejn mill-NSO, u dak li qal Robert Abela l-Ħadd filgħodu fir-Rialto.

Iċ-ċifri għal Ġunju juru li fuq sena, in-nies jirreġistraw għax-xogħol żiedu b’2,654 persuna, għal total ta’ 4,270 ruħ jirreġistraw.

Din l-istampa hi ħafna differenti minn dak li qal Robert Abela l-ġurnata ta’ qabel.

Il-verità hi, li fuq xahar, meta wieħed iħares lejn Ġunju…in-nies jirreġistraw kienu fl-istess ilma ta’ Mejju 2020. It-tnaqqis ta’ 139 persuna kien wieħed marġinali, u żgur differenti ferm minn dak li qal il-Prim Ministru.

Id-data uffiċjali tal-NSO turi li żdiedu kemm dawk li ilhom fuq ir-reġistru għal inqas minn sentejn, u anke dawk li ilhom aktar jirreġistraw għax-xogħol.

Sal-lum, ħafna negozji u sidien ta’ ħwienet żgħar għadhom qed isibuha diffiċli jsibu saqajhom f’dan il-perjodu ta’ sfidi kbar…minkejja li l-Prim Ministru għadu qed idoqq id-diska tan-normalità. Minn naħa l-oħra, l-għajnuna qawwija mill-UE żgur li se tkun ta’ sostenn għall-ekonomija lokali; miljuni li għandhom jgħinu lill-intrapriżi kbar u żghar kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex.