Coronavirus Lokali Saħħa

Ħaddiem fi SkolaSajf ta’ Ħal Luqa rriżulta pożittiv għall-COVID-19

Ritratt: Unicef

Is-Suprintendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci ħabbret li membru mill-istaff ta’ SkolaSajf ta’ Ħal Luqa rriżulta pożittiv għall-COVID-19. Gauci żvelat dan mal-media tal-istazzjon nazzjonali.

Fost id-dettalji li tat, il-Professur Gauci qalet li l-persuna kienet f’kuntatt ma’ tliet klassijiet u għalhekk l-Awtoritajiet tas-Saħħa bdew proċess ta’ contact tracing billi qed isir kuntatt mal-ġenituri tat-tfal affettwati biex dawn ikun jista’ isirilhom swab test.

It-tmexxija tal-iskola qed tavża lill-ġenituri biex iwieġbu telefonati li jidhru b’numru anonimu, u pprovdiet ukoll numru ieħor fejn il-ġenituri jistgħu jċemplu f’każ li ma jkunux f’pożizzjoni li jirrispondu meta tasal it-telefonata mill-awtoritajiet.

Minkejja dan kollu, is-Suprintendent tas-Saħħa ma tatx aktar dettalji dwar meta ħareġ dan il-każ imsemmi għalkemm kollox jindika li huwa każ li kien irrapurtat fl-aħħar ġimgħa fost 24 każ li tħabbar minn nhar l-Erbgħa l’hawn.

Intant, b’rabta ma’ dan il-każ, dalgħodu l-MUT kienet f’kuntatt mal-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi (FES) biex tiżgura li jittieħdu l-miżuri kollha biex jipproteġu l-istaff u l-istudenti. L-MUT hija sodisfatta dwar il-miżuri meħuda mill-FES u l-awtoritajiet tas-Saħħa. Fi stqarrija il-Union qali li se tkompli ssegwi s-sitwazzjoni.