Coronavirus Ekonomija Lokali Saħħa

Il-miżuri mposti tal-COVID-19 huma konfliġenti – L-Assoċjazzjoni tal-Catering

Minn meta r-ristoranti fetħu mill-ġdid, l-istabbilimenti tal-ikel ġew mgħarrqa b’kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post mill-Awtorità tat-Turiżmu. L-infurzar tagħhom hu “irrelevanti” meta l-pubbliku jista’ jinġabar f’avvenimenti tal-massa b’livell differenti ta’ skrutinju.

Hekk iddikjarat l-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering fi stqarrija iebsa fil-konfront ta’ diversi entitajiet tal-Gvern.

Huma saħqu li “Wasal iż-żmien li l-entitajiet relevanti, b’mod partikolari l-Ministeri għat-Turiżmu u għas-Saħħa, jivvalutaw mill-ġdid il-pożizzjonijiet tagħhom u jdaħħlu l-istess kundizzjonijiet għal-lukandi u ristoranti għaliex dawn tal-aħħar jirrappreżentaw l-għajxien ta’ ħafna.”

L-Assoċjazzjoni tal-Catering qalet li l-firxa riċenti tal-COVID-19 waqt avvenimenti tal-massa li kienu permessi li jsiru wkoll f’lukandi twassal għal dubju dwar ir-relevanza tal-miżuri stretti ta’ social distancing u użu ta’ maskri li ġew imposti fuq ir-ristoranti.

Huma staqsew jekk ċertu miżuri hux applikati b’mod inġust meta wieħed jikkunsidra li dawn mhux ikunu mposti f’kull sitwazzjoni.

L-Assoċjazzjoni tal-Catering kompliet tgħid li din is-sitwazzjoni ssegwi sensiela ta’ differenzi oħrajn għall-istabbilimenti tal-ikel indipendenti meta mqabbla mal-istess stabbilimenti li jinsabu fil-lukandi.

Huma stqarru li ristoranti li jiffurmaw parti minn lukandi huma inġustament iffavoriti f’termini ta’ leġislazzjoni dwar l-impjiegi anke fejn jidħlu ħlas ta’ sigħat tax-xogħol.

Bl-istess mod, l-Assoċjazzjoni tal-Catering, innutat li persuni impjegati fir-ristoranti tal-lukandi baqgħu eliġibbli għas-suppliment ta’ €800 fix-xahar mill-Gvern, filwaqt li s-suppliment relatat ma’ impjegati tar-ristoranti indipendenti naqas għal €600 fix-xahar.

Dan meta m’hemm l-ebda evidenza li ristoranti indipendenti jattiraw aktar negozju mir-ristoranti tal-lukandi.