Formula 1 Sport

It-tmexxija tal-Formula 1 qed issegwi s-sitwazzjoni tal-Covid-19 fi Spanja

(Ritratt: EPA)

It-tmexxija tal-Formula 1 qed issegwi s-sitwazzjoni tal-coronavirus fi Spanja wara żieda fil-każijiet, fost tħassib dwar il-Grand Prix tal-pajjiż. Il-Formula 1 flimkien ma’ sport ieħor elite għandu eżenzjoni mill-Gvern tar-Renju Unit dwar kwartantina ta’ 14-il ġurnata għal dawk li jirritornaw minn Spanja. Dan ifisser li t-tellieqa fl-14 ta’ Awwissu xorta tista’ ssir.

Iżda l-kapijiet tal-Formula 1 mhux se jieħdu riskji mas-saħħa tal-parteċipanti u qed isegwu l-iżviluppi mill-viċin. Spanja qed tieħu miżuri ġodda biex taqta’ ż-żieda fil-każijiet tal-Covid-19 fost tħassib tat-tieni mewġa. Katalunja li hu l-istat li jorganizza l-Grand Prix ta’ Spanja, għalaq il-ħwienet ta’ diverstiment għal ġimagħtejn iżda bliet li jinsabu fil-Grigal tar-reġjun qed jaraw żieda.

Il-bidu tal-istaġun kien pospost b’erba’ xhur minħabba l-pandemija u t-tmexxija tal-Formula 1 qed tieħu miżuri biex tassigura li l-avvenimenti jistgħu jsiru bl-anqas riskju possibbli. Dawk li jkunu preżenti fiċ-ċirkwit irid ikollhom test tal-Covid-19 negattiv għal 96 siegħa qabel jaslu fil-post filwaqt li jkollhom testijiet kull ħamest ijiem.

Fl-ewwel tlett tlielaq fl-Awstrija u l-Ungerija, kien hemm biss żewġ persuni pożittivi u l-ebda wieħed minnhom ma kien fost dawk l-aktar persuni importanti. Il-ġimgħa l-oħra, il-Formula 1 ħassret it-tlielaq tal-Istati Uniti, il-Messiku u l-Brażil minħabba n-numru ta’ każijiet f’dawn il-pajjiżi.

Sa issa, il-Formula 1 skedat 13-il tellieqa u l-ewwel waħda li se tħalli lill-ispettaturi biex jattendu hi l-Grand Prix tar-Russja f’Sochi lejn tmiem Settembru. Id-dubju għadu kif se jintemm l-istaġun hekk kif sa issa għad m’hemmx tlielaq konfermati wara l-ewwel ġimgħa ta’ Novembru. Jidher li teżisti possibbiltà li jsiru tlielaq fil-Vjetnam, il-Malasja, Bahrain u Abu Shabi